L-erba’ referendums li kienu qed isiru f’erba’ reġjuni okkupati mir-Russja fl-Ukrajn ġew fi tmiemhom fl-aħħar sigħat, b’rapporti fuq midja Russa qed jisħqu li r-residenti vvotaw favur li jissieħbu mar-Russja.
Madwar erba’ miljun persuna kienu mitluba jivvotaw f’dawn ir-reġjuni li jagħmlu xejn inqas minn 15% tat-territorja Ukren.
Siti tal-aħbarijiet li huma favur it-tmexxija tal-Kremlin, kemm f’Donetsk u anke Luhansk, qed jgħidu li madwar 99.23% vvotaw favur li jingħaqdu mar-Russja.
L-uffiċjali f’dawn ir-reġjuni, li tpoġġew hemm mill-Kremlin, qed jiddikjaraw appoġġ totali għar-Russja.
L-Ukrajna u anke l-alleati tagħha fil-Punent qed iqisu dawn il-votazzjonijiet bħala xi ħaġa falza u kkundannaw l-aġir tal-Kremlin.
Il-votazzjonijiet saru f’Donetsk u Lukansk u anke fir-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia.
Putin qed jiddefendi dawn ir-referendums u qed jisħaq li dawn saru biex tieqaf il-persekuzzjoni fuq Russi u Ukreni li jitkellmu bir-Russu f’dawn ir-reġjuni, akkużi li l-Ukrajna qed tiċħad.
Hemm spekulazzjonijiet li Putin jista’ jħabbar li l-erba’ reġjuni saru parti mir-Russja meta għada jindirizza l-Parlament.
Jekk jiġri hekk u l-Ukrajna tibqa’ tattakka bil-għan li tieħu lura dawn it-territorji, Putin ikun jista’ jakkuża lill-Ukrajna u lill-aleati tagħha li qed jgħinuha, li qed jattakkaw u jheddu territorju Russu, xi ħaġa li diġà wissa dwarha.