Kmieni dalgħodu, missili laqtu binja residenzjali fil-belt ta' Zaporizhzhia li tinsab fin-nofsinhar tal-Ukrajna. Din hija l-kapitali ta' wieħed mir-reġjuni li r-Russja ddikjarat bħala parti minnha, wara referendum meqjus illegali u "farsa" mill-Ukrajna u l-Punent.
Minn tal-inqas żewġ persuni nqatlu f'dan l-attakk, filwaqt li oħrajn jidher li għadhom maqbuda. L-Ukreni qed iweħħlu fir-Russi iżda dwar dan ir-Russja baqgħet siekta.
Minn tal-inqas tliet splużjonijiet oħra nstemgħu fil-viċin.
L-attakk seħħ ftit sigħat biss wara diskors li għamel il-President Russu, Vladimir Putin u li matulu qal li s-sitwazzjoni fl-erba' reġjuni se tkun "stabilizzata."
Dan wara li l-Ukreni komplew jagħmlu aktar avvanzi u rebħu għadd ta' bliet strateġiċi f'dawn l-istess reġjuni.
Intant, illum, diversi mexxejja mistennija jiltaqgħu fi Praga għall-ewwel laqgħa ta' dak li qed jissejjaħ "Il-Klabb Ewropew tan-Nazzjonijiet."
Ir-Russja mhijiex mistiedna biex tieħu sehem u Zelensky mistenni jagħmel indirizz permezz ta' filmat.