Id-Demokratiċi tal-President Joe Biden jidher li sejrin aħjar minn kif previst fl-elezzjonijiet ta' nofs it-terminu, bir-Repubblikani xorta waħda għandhom ċans kbir li jieħdu f'idhom il-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Ilbieraħ, miljuni ta' Amerikani vvotaw f'elezzjonijiet importanti magħrufa bħala 'mid-terms' li ħafna drabi jkunu kważi kważi referendum fuq it-tmexxija tal-President.
Permezz ta' dawn l-elezzjonijiet, l-Amerikani jivvotaw għall-Kungress magħmul mis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti. Sal-lum, Biden kellu l-kontroll tal-Kungress kollu, iżda x'aktarx li dan se jinbidel wara din l-elezzjoni.
Jekk Biden jitlef imqar kontroll ta' waħda minn dawn iż-żewġt ikmamar, is-sentejn li ġejjin se jkunu diffiċli għalih hekk kif dan jagħmilha aktar diffiċli għalih li jimbotta l-aġenda tiegħu.
Fi kliem sempliċi, il-Kungress jirrappreżenta l-korp leġislattiv filwaqt li l-President huwa l-eżekuttiv tal-Gvern.
Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, ir-Repubblikani jaf jieħdu l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Madanakollu, id-Demokratiċi rebħu mir-Repubblikani siġġu importanti ħafna f'Pennyslvania li tahom imbutattura tajba biex iżommu kontroll tas-Senat.
Fi stati kruċjali oħra, bħal Arizona, Georgia u Nevada, għadu kmieni wisq biex ikun hemm indikazzjoni tar-riżultat.
Hu mifhum, minn sondaġġi li saru waqt il-votazzjoni, li l-fattur ewlieni li ħareġ lill-Amerikani jivvotaw kienet l-inflazzjoni li Biden qed jidher li tilef il-kontroll tagħha. Iżda anke l-abort u drittijiet riproduttivi kien fattur ewlieni. Dan x'aktarx li ffavorixxxa aktar lid-Demokratiċi li huma fdati aktar fejn jidħlu dawn id-drittijiet.
Intant, ir-riżultat ta' din l-elezzjoni se jissiġġilla kemm il-futur ta' Biden imma anke tal-eks President Donald Trump li fl-aħħar ġimgħat kien qed jikkampanja favur uħud mill-kandidati Repubblikani għas-senat u qal li l-ġimgħa li għaddiet se jkun qed iħabbar "xi ħaġa kbira."
Madanakollu jidher li wħud mill-kandidati li kkampanja għalihom Trump, ma marrux tajjeb daqskemm kien maħsub.
Għal Biden, dawn l-elezzjonijiet huma importanti fuq żewġ binarji. Jekk jitlef il-kontroll tal-Kungress, jew parti minnu, is-sentejn li ġejjin mhux se jkunu faċli għalih. Jekk ir-riżultat għalih ikun diżastruż, dan jista' jimpatta l-kandidatura tiegħu jekk jiddeċiedi li jerġa' jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali bil-għan li jirbaħ it-tieni terminu.