Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li 10 miljun persuna fl-Ukrajna ma għandhomx dawl u dan wara li r-Russja wettqet attakk ieħor bil-missili madwar il-pajjiż.
Madwar seba' persuni nqatlu f'dan l-attakk, iżda n-numru x'aktarx li hu akbar.
Zelensky qal li l-Gvern Ukren qed jagħmel minn kollox biex jassigura li kulħadd ikollu l-elettriku.
L-attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija qed iseħħu fi żmien meta fl-Ukrajna l-kesħa bdiet sew. Fil-fatt, qed tkun imbassra xitwa diffiċli hekk kif bla dawl, l-Ukreni ma jistgħux isaħħnu djarhom. u ma jistgħux isaħħnu djarhom.
Fil-fatt, dalgħodu, Kjiv qamet taħt il-borra u dan meta parti kbira mill-kapitali ma għandhiex provvista tal-elettriku.
Minn meta bdiet sejra ħażin fuq l-art u bdiet titlef tettitorji li ħakmet, it-tattika tar-Russja qed tkun li tattakka impjanti tal-enerġija u anke infrastruttura oħra importanti.
Madanakollu, l-attakki qed jolqtu wkoll appartamenti u partijiet ċivili. Is-seba' persuni li nqatlu kienu jgħixu fi blokka appartamenti viċin il-belt ta' Zaporizhzhia.
Fl-istess reġjun, niżlu xejn inqas minn 70 missil iżda l-attakk kien mifrux f'reġjuni u bliet oħra.