Eluf ta' nies inġabru fi kju wieħed biex jagħtu tislima lill-Papa Benedittu XVI, l-uniku Papa fi żmien 600 sena li irriżenja mill-kariga minħabba raġunijiet ta' saħħa, fost oħrajn. Il-katavru tal-Papa Benedittu qiegħed espost fil-Bażilika ta' San Pietru fi ħdan il-Vatican u se jibqa' hemm sal-funeral tiegħu.
Il-Papa Emeritus miet fl-età ta' 95 sena nhar is-Sibt li għadda u l-funeral tiegħu se jsir nhar il-Ħamis li ġej. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Papa se jkun qiegħed jindifen mis-suċċessur tiegħu, il-Papa Franġisku. Huwa talab għal funeral sempliċi.
Fost il-folla kien hemm Richard Kunst qassis mill-Istati uniti li saħaq li meta jasal ħdejn il-Papa se jgħid talba għalih iżda wkoll se jitlob għal miraklu, għal fejqan ta' ħabib tiegħu li qiegħed imut bil-kanċer.
Intant l-aħħar funeral papali kien dak tal-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-2005, li kien wieħed mill-ikbar avvenimenti tal-massa fl-istorja Kattolika u li għalih attendew erba' miljun ruħ f'Ruma.
- Aqra aktar fuq il-ħajja tal-Papa Emeritu: Hawnhekk.