Il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer ħabbar pjan biex titwaqqaf l-gwerra fl-Ukrajna u biex tiġi difiża mir-Russja permezz ta’ “koalizzjoni tad-disposti.”
“Wasalna f’salib it-toroq f’dal-punt fl-istorja,” qal Starmer wara s-summit tal-mexxejja Ewropej. Zelensky irrimarka li ħass “appoġġ qawwi” għall-Ukrajna u li l-laqgħa wriet “unità Ewropea ta’ livell għoli ħafna li ilha ma tidher għal żmien twil.”
Zelenesky kompla billi jgħid, “qed naħdmu lkoll flimkien fl-Ewropa sabiex insibu bażi għall-kooperazzjoni mal-Amerka għal paċi ta’ veru u garanzija ta’ sigurtà.”
L-istqarrijiet u l-kummenti tal-mexxejja intqalu ftit jiem wara l-iskambju spjaċevoli bejn il-President tal-Ukrajna u l-President tal-Amerka Donald Trump.
Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron qal li kemm Pariġi u kemm Londra qed jipproponu waqfien mill-ġlied għal xahar, kemm “fl-ajru, fil-baħar u fuq l-infrastruttura tal-enerġija”.
Waqt konferenza stampa wara l-laqgħa, Starmer qal li l-mexxejja qablu ma’ erba’ punti li huma parti mill-pjan tal-koalizzjoni:
- Biex kemm l-għajnuna militari lill-Ukrajna u kif ukoll il-pressjoni ekonomika fuq ir-Russja jibqgħu għaddejjin.
- Kwalunkwe paċi dejjiema għandha tiżgura s-sovranità u s-sigurtà tal-Ukrajna, u li l-Ukrajna għandha tkun preżenti f’kull negozjat ta’ paċi.
- Jekk jintlaħaq ftehim ta’ paċi, il-kapaċitajiet difensivi tal-Ukrajna għandhom jissaħħew biex iservu ta’ deterrent iktar qawwi kontra invażjoni futura.
- Biex jiġi żviluppat “koalizzjoni tad-disposti” biex jiddefendu ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna u jiggarantixxu l-paċi wara.
Starmer ħabbar ukoll £1.6 biljun addizzjonali biex jinxtraw iktar minn 5,000 missila tad-difiża tal-ajru. Dawn huma apparti t-£2.2 selfa, li ġejjin parzjalment mill-assi ffriżati Russi, biex tintbagħat iktar għajnuna militari lill-Ukrajna.
“Għandna bżonn nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat: ma nistgħux naċċettaw ftehim dgħajjef li r-Russja tista’ tkisser faċilment. Minflok, kwalunkwe ftehim irid ikun b’saħħtu,” kompla l-Prim Ministru Brittaniku.
Ma qalx liem pajjiżi daħlu fil-koalizzjoni iżda qal li dawk li daħlu huma lesti biex jikkontribwixxi b’urġenza ta’ vera. Għaldaqstant qal li r-Renju Unit lest biex jibgħat “truppi fuq il-post u ajruplani fl-ajru.”
“L-Ewropa għandha terfa’ l-maġġoranza tal-piż,” qal Starmer qabel ma żied jgħid li l-qbil għandha bżonn l-appoġġ tal-Amerka u għandha tinkludi wkoll ir-Russja—iżda l-Kremlin m’għandu l-ebda jedd jinnegozja t-termini tal-qbil.
“Biex inkun ċar: naqblu ma’ Trump dwar il-bżonn urġenti għal paċi dejjiema. Issa rridu naslu hemm flimkien,” qal il-mexxej tar-Renju Unit. Meta saqsewh jekk l-Amerka taħt it-tmexxija ta’ Trump tistax toqgħod fuqha, qal “ħadd ma ried jara dak li ġara nhar il-Ġimgħa li għadda, iżda ma naċċettax li l-Amerka mhix alleat affidabbli.”
Il-pajjiżi li attendew is-summit jinkludu Franza, il-Polonja, l-Iżvezja, it-Turkija, in-Norveġja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Italja, Spanja, u l-Kanada.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li issa hawn bżonn urġenti biex “l-Ewropa terġa’ tarma ruħha.”