Illum f’Londra, f’temp tipikament Ingliż, u b'pompa kbira, qed isir l-Inkurunazzjoni tar-Re' Karlu III, taħt sigurta' kbira u fil-preżenza ta’ mexxejja barranin, inkluż il-President ta’ Malta, George Vella.
Minkejja li r-Re' għandu rwol simboliku, hemm stennija kbira mill-poplu Ingliż għal dan l-avveniment storiku.
Ħafna jargumentaw li l-eżistenza tal-monarkija fi snin li ġejjin hija waħda inċerta, hekk kif in-nies jistaqsu jekk l-infieq għall-monarkija hux ġust jew jew le.
Hemm bosta mistiedna distinti inkluż il-mara ta’ Zelensky u anke ħafna atturi bħala Emma Thompson u Stephen Fry.
Filwaqt li r-Re' Karlu ħa l-irwol ta’ tiegħu immedjatament wara l-mewt ta’ ommu, r-Reġina Eliżabetta II, l-inkurunazzjoni tal-ogħla membru tal-monarkija dejjem issir wara li jiġi proklamat is-suċċessur. Fil-fatt, ir-Reġina Eliżabetta ġiet inkoronata erba’ xhur wara li miet missiera, ir-Re' Ġorġ VI, jiġifieri f’Ġunju 1952.
Minkejja l-fatt illi l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta, 70 sena ilu, kienet estravaganti b’aktar minn 9,000 persuna mistiedna, ir-Re' Karlu ħa aproċċ differenti.
Filwaqt li nżamm livell ta’ standard ‘fit or a King’, kienet deċiżjoni tiegħu li “jċekken” il-festeġġjamenti fid-dawl tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-impatti tal-Covid-19 fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Wara kollox, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet grandjużi huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu Ingliż u huwa ta’ benefiċċju għar-Re li jiksiriex mal-poplu fil-bidu tat-tmexxija tiegħu. Minkejja dan, kien hemm min xorta ma tantx ħadha tajjeb li r-Re' nefaq bejn £100 miljun u £125 miljun.
Ix-xandira diretta minn Londra tistgħu ssegwuha diretta fuq TVMNews+.
Il-maġġoranza tal-infiq fuq l-inkoronazzjoni, jew hekk imlaqqma ‘Operation Golden Orb’, kienet fuq sigurtà. Min-naħa l-oħra irridu nsemmu wkoll li qiegħed jiġi stmat li l-ekonomija Ingliża se tingħata spinta sostanzjali għaliex huwa mifhum li se jiġi iġġenerat £1 biljun minn dan l-avveniment biss.