Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky se jkun qed jagħmel żjara f’Ruma s-Sibt, fl-ewwel żjara tiegħu fl-Italja mindu bdiet l-invażjoni Russa fi Frar tal-2022.
Ikkonferma dan kelliem għall-President Taljan Sergio Mattarella, filwaqt li rapporti fil-midja qed jagħtu wieħed x’jifhem ukoll li hija possibbli li Zelensky jagħmel żjara fil-Vatikan u jiltaqa’ mal-Papa Franġisku.
L-aħħar li Zelensky ltaqa’ mal-Papa Franġisku kien fl-2020, u dan tal-aħħar ilu jisħaq fuq l-importanza tal-paċi f’dan ir-reġġjun mill-bidu tal-gwerra. Fil-fatt, wara żjara mill-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyhal xahar ilu, il-Papa Franġisku aċċetta li l-Vatikan tgħin sabiex tfal Ukreni li kienu ttieħdu lejn ir-Russja jinħarġu mir-Russja, hekk kif il-Papa stqarr li hija l-ħaġa t-tajba li ssir.
Fiż-żjara tiegħu fil-belt kapitali Taljana, Zelensky mistenni li jiltaqa’ mal-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, hekk kif Meloni kienet għamlet żjara fi Kyiv fi Frar li għadda bħala turija tal-appoġġ lejn l-Ukrajna.
Minkejja storja ta’ relazzjonijiet tajbin mar-Russja, l-Italja kienet fost il-pajjiżi li bagħtet armi u fondi lejn l-Ukrajna mill-bidu tal-kunflitt, u flimkien mal-alleati tagħha tal-Punent, l-Italja infurzat ukoll is-sanzjonijiet fuq ir-Russja.