Għall-ewwel darba fi kważi deċċenju, se ssir tfittxija attiva fuq Madeleine McCann, it-tifla Brittannika li fl-2007 sparixxiet waqt li kienet fuq btala ma’ familtha fil-Portugal.
Dan wara koperazzjoni bejn l-awtoritajiet Portugiżi u dawk Ġermaniżi, hekk kif huwa maħsub li Christian Brückner ta’ 45 sena li qed jiskonta sentenza ta’ abbuż sesswali u stupru, għandu informazzjoni dwar x’kien sar mit-tifla. Brückner kien jgħix fil-Portugal bejn l-2000 u l-2017, u kien maħsub li kien fiż-żona minn fejn sparixxiet McCann fl-2007.
It-tfittxija se sseħħ f’ġibjun madwar 40km minn fejn kienet dehret l-aħħar it-tifla, u gazzetta Ġermaniża żvelat li Brückner seta’ kellu ħbieb f’din iż-żona. It-Tnejn, il-ġibjun kien imdawwar b’tined tal-Pulizija, u t-tfittxija mistennija ddum jumejn.
Din mhix l-ewwel tfittxija li saret fiż-żona, hekk kif fl-2008, kien instab basket mimli għadam li ma kinux ta’ uman, u sa issa għadu mhux magħruf għalfejn l-awtoritajiet għażlu li jerġgħu jagħmlu tfittxija f’dan il-ġibjun.
Il-każ ta’ Madeleine McCann jibqa’ wieħed mill-aktar każijiet ta’ persuni mitlufa fl-istorja riċenti. Hija maħsuba li nqatlet, u l-Pulizija Ġermaniża tissuspetta li Brückner huwa risponsabbli għall-qtil.