L-Qorti Internazzjonali tal-ġustizzja (ICJ) iddeċiediet li l-Iżrael għandu jieħu l-miżuri kollha biex jipprevjeni atti ġenoċidali f’Gaża.
Dan minkejja li ma kien hemm ebda referenza biex immedjatament jieqfu l-operazzjonijiet tal-Iżrael. Imħallfin fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja taw deċiżjoni interim fil-każ ta’ ġenoċidju tal-Afrika t’Isfel kontra Iżrael. Riyad Al-Maliki, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Palestinjan, qal li l-imħallfin iddeċidew "favur l-umanità u l-liġi internazzjonali".
Sadanittant, il-PM Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal; “l-Iżrael se tkompli tiddefendi lilna u liċ-ċittadini tagħna filwaqt li nżommu mal-liġi internazzjonali".
B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, l-Unjoni Ewropea (UE) ħabbret li qed tistenna ‘l-implimentazzjoni kollha’ tal-ordni tal-ICJ. "L-ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja huma vinkolanti," tgħid, u żżid li dawk il-partijiet għandhom jikkonformaw magħhom.
Intant, il-midja Amerikana irrapurtat li l-kap tas-CIA għandu jiltaqa’ ma’ uffiċjali Iżraeljani, Qatari u Eġizzjani fil-jiem li ġejjin biex jiddiskuti waqfien mill-ġlied potenzjali ġdid f’Gaża.
S’issa l-attakki ta’ ritaljazzjoni ta’ Iżrael f’Gaża qatlu 25,900 ruħ, l-aktar nisa u tfal, dan skont il-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ħamas. Il-gwerra attwali bdiet wara li l-Ħamas attakka n-Nofsinhar ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru, fejn qatel madwar 1,300 ruħ, l-aktar ċivili, u ħa 240 ostaġġ.