24 ta’ Frar 2024 jimmarka t-tieni anniversarju minn mindu r-Russja envadiet l-Ukrajna. Il-kunflitt kontinwu ġab miegħu theddida reġjonali b’tilwima li ppreżentat magħha sfidi ta’ sigurtá u instabbiltá kemm fir-reġjun Ukren kif ukoll madwar l-Ewropa.
Matul l-2023, il-gwerra fl-art ħalliet warajha straġi sħiħa. Il-gwerra Russa li għaddejja rriżultat f’ qerda ta’ bliet u komunitajiet sħaħ, u traġikament ħasdet il-ħajjiet ta’ bosta ċivili, inklużi tfal.
Skont statitika tan-Nazzjonijiet Uniti, inqatlu aktar minn 10,000 u 20,000 huma midruba fi żmien sentejn tal-invażjoni tar-Russja. Barra minn hekk, kważi 20,000 tifel u tifla ġew maħtufa u deportati mir-Russja. Madankollu, iċ-ċifri attwali jistgħu jkunu ogħla minħabba r-restrizzjonijiet tar-Russja fuq organizzazzjonijiet internazzjonali li jidħlu fit-territorji okkupati.
L-Ukrajna qed taffaċċja żewġ sfidi. Sfida militari u sfida ekonomika. Għalkemm, l-Istati Uniti pprovdew $43 biljun f'appoġġ lill-Ukrajna, li jkopru minn missili Javelin sa tankijiet għal ambulanzi għal missili tal-attakk fuq distanzi twal u iktar; l-Ukrajna qed titħabat minħabba nuqqas ta’ munizzjon.
Min-naħa tagħha, Malta esprimiet id-dubju tagħha dwar stqarrija li wiegħdet appoġġ militari lill-Ukrajna mill-Unjoni Ewropea, speċifikament missili. L-istqarrija kkritikat ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar is-“silenzju” fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
L-istqarrija tħejjiet mill-uffiċċju tal-president tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, fejn qal li “fin-nuqqas ta’ kunsens” fost il-mexxejja tal-UE, l-istqarrija intbagħtet f’isem Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Fl-istqarrija tagħhom, it-tliet presidenti jwiegħdu li l-UE “se tkompli bl-appoġġ politiku, militari, finanzjarju, ekonomiku, diplomatiku u umanitarju qawwi u sod tagħha biex tgħin lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha, tipproteġi n-nies, il-bliet u l-infrastruttura tagħha, tirrestawra l-integritá territorjali tagħha, iġġib lura l-eluf ta’ tfal deportati, u twassal fi tmiemha l-gwerra.”
Huma sostnew li l-UE se tiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE, filwaqt li qali li se jkompli jindirizzaw “il-ħtiġijiet urġenti militari u ta’ difiża, inkluż kunsinni ta’ missili u munizzjoni meħtieġa b’mod urġenti.”
F’post fuq X, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-vittmi ċivili matul il-gwerra.
Abela stqarr li Malta, “se tkompli tippromwovi l-paċi u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha.”