Ir-Russja ressqet erbat irġiel il-Qorti b’rabta mal-attakk terroristiku li seħħ waqt kunċert u li ħalla 137 persuna mejta.
Il-Grupp tal-Istat Iżlamiku (ISIS) qalu li huma responsabbli għal-attakk, b’filmati mxerrda onlajn jintużaw bħala evidenza. Iżda ir-Russja qed tinsisti, mingħajr evidenza, li kien hemm involviment Ukren, b’Kyiev tafferma li l-akkuża hija waħda “assurda”.
L-irġiel li qed jiġġu akkużati huma magħrufa bħala Dalerdzhon Mirzoyev, Saidakrami Murodali Rachabalizoda, Shamsidin Fariduni u Muhammadsobir Fayzov.
Filmati onlajn tal-Qorti wriew it-tliett irġiel jimxu fost pulizija mgħottija fil-qorti tad-distrett ta’ Basmanny fil-kapitali Russa. Jidher li kollha ġew imsawta, b’filmati li nxterdu onlajn juru filmati ta’ sessjonijiet ta’ interrogazzjoni brutali mill-forzi tas-sigurtà Russi, u rapporti jissuġġerixxu li tal-inqas wieħed kien sofra xokkijiet elettriċi. L-irġiel viżibilment kellhom għajnejn suwed u wieħed mill-akkużat kellu widna infaxxata. Mirzoyev deher ukoll li kellu borża tal-plastik imqatta’ mdawwra ma’ għonqu.
Wiċċ tar-raġel identifikat bħala Fariduni kien minfuħ ħafna, filwaqt li r-raġel jismu Fayzov deher li kien mitluf minn sensieh hekk kif tressaq il-Qorti f’siġġu tar-roti b’ilbies ta’ pazjent tal-isptar.
L-akkużati qed jinżammu f’detenzjoni preventiva sa mill-inqas it-22 ta’ Mejju.