L-attakk veikulari f’Munich: x’nafu s’issa?

Karozza ssuq għal ġo folla f’Munich il-Ħamis u tħalli mill-inqas 30 persuna l-isptar • Il-motiv tal-attakk għadu mhux magħruf iżda s-suspettat jiġi identifikat għal wieħed li kien ġa magħruf mal-pulizija minħabba li kien xhud f'każijiet preċedenti

L-awtoritajiet Ġermaniżi qed jiddeskrivu l-inċident bħala 'attakk'.
L-awtoritajiet Ġermaniżi qed jiddeskrivu l-inċident bħala 'attakk'.

Applikant għall-ażil mill-Afganistan saq karozza għal ġo folla f’Munich il-Ħamis li għadda, fejn weġġa’ mill-inqas 30 persuna, skont il-pulizija Ġermaniża. Il-pulizija qalet li qed tikkunsidra l-inċident bħala attakk.

Minkejja li għad m'hemmx wisq informazzjoni wara l-motiv tal-attakk, is-sit illum.com.mt tat ħarsa lejn dak li ġa nafu.

X'ġara eżatt il-Ħamis?

Il-pulizija qalet li l-karozza, Mini Cooper, aċċelerat u daħlet f’folla ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku waqt strajk. L-inċident seħħ fiċ-ċentru ta’ Munich, ħdejn il-ġunzjoni ta’ Karlstrasse u Seidlstrasse għal madwar l-10:30am ħin lokali.

Impjegati ta’ sptarijiet, faċilitajiet sanitarji, pixxini pubbliċi, u ċentri tal-kura ta’ binhar ingħaqdu mal-istrajk, fejn talbu għal paga ogħla u vaganzi itwal.

Fil-ħin tal-ħabta madwar 1,500 persuna kienu fi triqthom għall-aħħar parti tal-istrajk ftit ‘il bogħod mix-xena tal-inċident. Tir wieħed ġie sparat mill-pulizija għal fuq il-karozza qabel is-sewwieq ma ġie miżmum.

Is-servizzi tal-emerġenza kienu fuq il-post u b’hekk waq li s-suspettat ġie arrestat malajr, il-midrubin setgħu jiddewwew, qalet il-pulizija.

Kelliem għall-pulizija qal lix-xandar pubbliku BR li l-pulizija qed tiċċekkja jekk hemmx rabtiet bejn id-demostrazzjoni u l-inċident.

Il-ħabta ġrat sigħat qabel il-viċi president tal-Amerka u l-president tal-Ukranja kienu ħa jattendu l-Munich Security Conference—iżda l-pulizija tgħid li ma taħsibx li dan huwa relatat mal-inċident.

30 persuna mweġġa', wħud fil-periklu tal-mewt

Madwar 30 persuna weġġgħat, bi wħud mill-midrubin huma “fil-periklu tal-mewt.”

Is-sindku ta’ Munich, Dieter Reiter, qal li anka tfal kien hemm midrubin. Dan għaliex, skont id-deputat sindku ta’ Munich Dominik Krause, bosta parteċipanti tal-istrajk ġabu t-tfal magħhom. “Dan jagħmel l-attakk ħafna iktar faħxi,” qal Krause.

Is-suspettat, Farhad N, li ismu komplut ma jistax jinħareġ minħabba regoli tal-privatezza Ġermaniżi, huwa applikant għall-ażil ta’ 24 sena mill-Afganistan. Skont il-pulizija, huwa joqgħod Munich, u ma jafux eżatt x’kien il-motiv wara l-attakk.

Il-Ministru għall-Intern Joachim Herrman qal li s-suspettat kellu l-applikazzjoni għall-ażil reġettata imma ma ġiex sfurzat barra mill-pajjiż minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-Afganistan. Herrman wara ċċara li s-suspettat kellu permessi ta’ reżidenza u xogħol validi.

Skont id-Deutsche Presse-Agentur (l-Aġenzija tal-Istampa Ġermaniża), is-suspettat wasal il-Ġermanja l-2016 bħala minuri.

Hermann għall-bidu qal li s-suspettat kien magħruf mal-pulizija iżda wara spjega li dan għaliex kien jaħdem bħala store detective u b’hekk kien xhud f’bosta każijiet ta’ serq mill-ħwienet.

Söder qal lill-midja Ġermaniża li uffiċjali kontra t-terroriżmu ħadu kontroll tal-inkjesta iżda li mhux dejjem faċli tagħraf jekk persuna suspettata kellix storja ta’ estremiżmu.

Is-suspettat ħa jidher il-qorti nhar il-Ġimgħa.

Ir-reazzjoni tal-awtoritajiet

Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Schulz qal li s-suspettat “għandu jiġi kkastigat” u li “għandu jitkeċċa mill-pajjiż.” “Das-suspettat m'għandux ikollu tama għall-klemenza,” qal lill-midja, skont traduzzjoni minn Reuters.

“Jekk ta’ vera kien attakk, hemm bżonn li nieħdu azzjoni konsistenti kontra kull suspettat potenzjali b’kull mezz ġudizzjarju.”

Il-Kap tal-istat ta' Bavaria, Markus Thomas Theodor Söder, qal li l-awtoritajiet kienu qed jaħdmu biex “jiċċaraw id-dettalji”. “Dan mhuwiex l-ewwel każ u min jaf x’iktar jista’ jinqala’,” kompla jgħid.

“Huwa ħafna iktar importanti issa li, minbarra nipproċedu bil-każijiet individwali, minbarra l-konċern u s-simpatija li nħossu, u t-tama li kull midrub ifiq, nuru d-determinazzjoni li hemm bżonn bidla fil-Ġermanja.”

More in Barranin