Il-Viċi President tal-Amerka b’theddida lir-Russja u twissija lill-Ewropa

Il-Viċi President tal-Amerka, JD Vance, avża lir-Russja li hemm ċans li l-Amerka taf tissanzjona lill-Moska jekk ma jaslux għal ftehim mal-Ukranja għal waqfien mill-ġlied

Il-Viċi President tal-Amerka JD Vance fl-inawgurazzjoni tiegħu
Il-Viċi President tal-Amerka JD Vance fl-inawgurazzjoni tiegħu

Il-Viċi President tal-Amerka, JD Vance, avża lir-Russja li hemm ċans li l-Amerka tissanzjona lill-Moska jekk ma jaslux għal ftehim mal-Ukranja għal waqfien mill-ġlied. Fl-istess waqt huwa beżbeż lill-Unjoni Ewropea, għaliex skont hu, għandha tiffinanza aktar lin-NATO.

Vance, li kellu jiltaqa’ mal-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky aktar tard, waqt il-Konferenza tas-Sigurtà f’Munich qal li l-Istati Uniti jistgħu jissanzjonaw lill-Moska, u qed jikkunsidraw ukoll azzjoni militari jekk Putin ma jaqbilx ma’ ftehim għall-paċi li jiggarantixxi l-independenza fit-tul ta’ Kyiv.

“Hemm għodod ekonomiċi ta’ influwenza, kif ukoll għodod militari ta’ influwenza” li l-Amerka tista’ tuża kontra Putin, qal Vance f’intervista mal-Wall Street Journal.

“Hemm numru ta’ formulazzjonijiet, ta’ konfigurazzjonijiet, iżda jimpurtana mis-sovranità tal-Ukranja.”

Madankollu, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, ħasad lill-alleati tal-Amerka, ċempel lill-President Russu Vladimir Putin u ħabbar il-bidu ta’ negozjati biex il-gwerra tal-Ukranja tintemm.

Il-mossa ta’ Trump qanqlet biżgħat fost il-gvernijiet tal-Ewropa li jafu jiġu esklużi mill-ftehim biex jitwaqqaf il-kunflitt, fejn il-ftehim jaf jispiċċa jkun wisq favorevoli għar-Russja u s-sigurtà tal-Ewropa tiġi mminata.

Twissija lill-Ewropa

Waqt li kien qed jindirizza mexxejja politiċi kbar, uffiċjali militari, u diplomati, fil-konferenza ta’ Munich, Vance tenna t-talba ta’ Trump biex l-Ewropa tagħmel iktar biex tissalvagwardja d-difiża tagħha stess.

“Naħsbu li parti kbira minnha dik hi li naraw li l-Ewropa tgħin fil-finanzjar tan-NATO ħalli l-Istati Uniti jistgħu jiffukaw fuq l-isfidi fl-Ażja tal-Lvant,” qal Vance b’referenza sottili għaċ-Ċina.

Qabel ma taw it-taħditiet tagħhom, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte qal li Vance “assolutament kellu raġun” dwar il-ħtieġa tal-Ewropa biex “tistinka iktar” u tagħmel iktar fejn tidħol id-difiża tagħha stess. “Għandna bżonn nikbru f’dak is-sens u nonfqu ħafna iktar,” stqarr Rutte.

'Itemm il-gwerra?' - Zelensky

Il-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky
Il-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky

L-Erbgħa li għadda Trump qal li kellu “telefonata produttiva ħafna” ma’ Putin u li qablu biex jibdew bin-negozjati immedjetament. Wara informa lil Zelensky dwar iċ-ċempila.

Pubblikament, Zelensky kien kordjali dwar iċ-ċempila iżda wissa lill-mexxejja dinjin dwar “li jafdaw lis-stqarrijiet tar-rieda ta’ Putin biex itemm il-gwerra” li bdiet bl-invażjoni tar-Russja fi Frar 2022.

Il-kuntatt ta’ Trump ma’ Putin u d-deskrizzjoni ferriħija tiegħu tal-konverżazzjoni reġġgħet lura snin ta’ politika Amerikana li tqis lill-Kremlin bħala wieħed imwarrab mix-xena internazzjonali wara li r-Russa invadew lill-Ukranja ħabta u sabta.

Is-Segretarju tad-Difiża tal-Amerka Pete Hegseth żied mal-iskumdità tal-alleati Amerikani meta ddikjara li l-Ukranja għandha taqta’ qalbha mill-għanijiet militari tagħha, bħas-sħubija man-NATO u r-ritorn tal-fruntieri tagħha qabel l-2014, meta r-Russja annessat l-Krimea.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Annalena Baerbock tenniet dawk il-biżgħat matul il-konferenza tal-Ġimgħa meta qalet, “Il-paċi fittizja, mingħajr il-kelma tal-Ewropej, u l-Ukreni, mhi ħa twassal imkien.”

“Paċi fittizja mhix ħa ġġib sigurtà dejjiema, lanqas għall-poplu Ukren jew għalina fl-Ewropa jew għall-Istati Uniti. U għalhekk huwa daqstant importanti li issa qed ikollna taħditiet intensivi ma’ sħabna Amerikani u internazzjonali fil-Konferenza tas-Sigurtà f’Munich.”

Rutte qal li ħa jiddiskutu kif “insaħħu kemm jista’ jkun lill-Ukranja meta jibdew in-negozjati”. Huwa qal ukoll li hemm bżonn ta’ “paċi dejjiema (u Putin) ma jerġax jazzarda.”

Il-Ħamis Trump qal li uffiċjali Amerikani u Russi ħa jiltaqgħu wkoll f’Munich il-Ġimgħa, u li l-Ukranja kienet mistiedna. Iżda Kyiv qalet li mhix tistenna li ħa tinnegozja mar-Russja fil-konferenza.

L-ebda uffiċjal Russi ma ġie mistieden għall-konferenza, iżda dak ma jfissirx li ma jistax ikun laqgħa xi mkien ieħor f’Munich.

Bħala senatur, Vance esprima xettiċiżmu dwar l-għajnuna tal-Amerka lill-Ukranja. Waqt poddata fl-2022, huwa qal: “Ma tantx jimpurtani jiġri x’jiġri mill-Ukranja.”

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio suppost kellu jattendi l-laqgħa f’Munich ma’ Zelensky ukoll, iżda mhix ċara huwiex ħa jlaħħaq wara li l-ajruplan tiegħu kellu jirritorna Washington wara problema mekkanika.

Attakk il-Chernobyl

Il-lejl ta’ qabel il-konferenza, ir-Russja kompliet bl-attakki tagħha fuq l-Ukranja, fejn permezz ta’ dron splussiv laqtet l-ilqugħ tar-raba’ unità tal-provista tal-enerġija tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Chernobyl.

Dan intqal mill-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky fuq X, fejn ukoll xerred filmat tal-attakk u tal-ħsarat ikkawżati.

Huwa akkuża li r-Russja ma jimpurtahiex mis-sigurtà, għall-kuntrast tal-Ukranja, l-Amerka, u l-pajjiż Ewropej li flimkien bnew dak l-ilqugħ. “Din hija theddida terroristika lid-dinja kollha,” stqarr Zelensky fuq X.

Minkejja l-ħsarat sinifikanti fuq l-ilqugħ, Zelensky stqarr li s’issa l-livelli ta’ radjazzjoni nukleari għadhom ma telgħux—iżda hemm monitoraġġ kontinwu ta’ dawk l-istess livelli.
Huwa tenna t-twissija tiegħu biex ir-Russja ma tiġix fdata: “kull lejl ir-Russja qed tagħmel attakki ta’ dat-tip fuq l-infrastruttura u l-bliet Ukreni. Ir-Russja qed tkompli tespandi l-armata tagħha”.

Kompla billi jgħid li dan juri biċ-ċar li r-Russja mhix lesta għan-negozjati u li lesta biex tkompli tqarraq bid-dinja. Tenna wkoll il-bżonn biex l-alleati tal-Ukranja għandhom jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja.

“Ir-Russja għandha tinżamm akkontabbli għall-azzjonijiet tagħha,” temm il-kitba tiegħu fuq X.

More in Barranin