L-Amerka taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump issospendiet kull forma t’għajnuna militari lill-Ukrajna, skont uffiċjali militari u membri tal-amministrazzjoni Amerikana.
“Din mhijiex terminazzjoni permanenti tal-għajnuna iżda biss waqfa temporanja,” qal uffiċjal amministratur imlaħħaq.
Il-waqfa taffettwa ammont sinifikanti ta’ armi, armamenti, u tagħmir militari ieħor li kienu parti mill-għajnuna mwiegħda mill-Istati Uniti. Flimkien dawn jammontaw għal iktar minn $1 biljun.
Id-deċiżjoni ttieħdet ftit jiem wara l-iskambju spjaċevoli bejn Trump u l-President Ukren Volodymyr Zelensky, fejn il-President Amerikan akkuża lil Zelensky li qed jinstiga gwerra dinjija oħra u qallu biex jerġa’ jiġi lura “meta lest għall-paċi.”
L-uffiċjali żiedu jgħidu li d-deċiżjoni ttieħdet wara sensiela ta’ laqgħat bejn il-president u l-konsulenti tas-sigurtà tiegħu. Barra minn hekk, qalu wkoll li d-deċiżjoni tibqa’ effettiva sakemm Trump jiddetermina li l-Ukrajna hija lesta biex tidħol f’negozjati ta’ paċi mar-Russja.
“Il-president kien ċar li huwa ffukat fuq il-paċi. Għandna bżonn lill-imsieħba tagħna jkunu kommessi għal dak l-għan ukoll,” qal uffiċjal tal-White House. “Għalhekk qed inwaqqfu u nirrevedu l-għajnuna tagħna biex niżguraw li qed tikkontribwixxi għal soluzzjoni.”
Iżda minkejja dak kollu, ir-riżultat ta’ dil-waqfa hija eskalazzjoni fit-tensjonijiet bejn l-Ukrajna u l-Amerka, u l-akbar benefattur ta’ did-deċiżjoni mhuwa ħadd ħlief il-President tar-Russja Vladimir Putin.
Fil-fatt, Putin jista’ juża did-deċiżjoni favurih billi jkun iktar aggressiv f’kwalunkwe negozjat ta’ paċi li jista’ jkun hemm—jew inkella jagħżel li ma jidħol fl-ebda negozjat.
Fil-fatt, Trump stess qal li r-Russja għandha s-setgħa fejn jidħlu negozjati ta’ paċi. Tensjonijiet bejn l-Amerka u l-Ukranja ħa ssaħħaħ il-pożizzjoni tar-Russja.
Għaldaqstant, id-deċiżjoni tpoġġi lill-Ewropa f’pożizzjoni skomda, speċjalment meta tikkunsidra li ħafna mexxejja Ewropej inġabru f’laqgħa fejn ifformaw koalizzjoni u qablu ma’ pjan biex iwaqqfu l-gwerra fl-Ukrajna.
Minkejja dan, anka l-akbar nazzjonijiet Ewropej m’għandhomx biżżejjed tagħmir militari biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas li dil-waqfa ħa toħloq.
F’dal-punt, mhuwiex ċar x’għandu jagħmel Zelensky biex Trump jirrevoka did-deċiżjoni.