‘Jekk il-prim jitlobni biex nikkontesta nara dak il-ħin...s’issa ma talabnix’
‘Malta u l-labour għandna bżonn lil Muscat fejn qiegħed u nispera li ma jiħux post Tusk’
More in Intervisti
‘Malta u l-labour għandna bżonn lil Muscat fejn qiegħed u nispera li ma jiħux post Tusk’
Miriam Dalli f’intervista mal-iLLUM qalet li m’għandiex ħsieb li tikkontesta l-elezzjoni ġenerali għalissa iżda jekk jitlobha l-prim ministru biex tikkontesta? “Imbagħad naraw, s’issa ma talabnix.”
Dalli bdiet il-karriera tagħha ma’ Joseph Muscat bħala ġurnalista fis-Super One. “Ħdimna flimkien u qatt m’għaddietli minn moħħi li xi darba se jkun kap u prim ministru. Għalija kien Joseph il-ġurnalist bħalna. Konna nagħmlu l-breakfast show flimkien u anke programm kull nhar ta’ Ħadd flimkien. Iżda dejjem kien involut fil-politika. Konna fil-forum laburisti flimkien u dejjem kien attiv u b’sens ta’ inizjattiva.”
L-MPE Laburista qalet ukoll li Muscat qed jikber dejjem fl-istatura ta’ statista fl-Unjoni Ewropea, “Il-fatt li hu kien membru parlamentari Ewropew tgħinu għax meta tkun taħdem fil-politika Ewropea jkollok għarfien fuq livell Ewropew. Iżda dan biss ma jagħmlux il-politiku li hu. Muscat hu politiku tajjeb ħafna b’viżjoni u din qed tgħinu ħafna li l-istatura tiegħu qed dejjem tikber Immensament fl-Ewropa.”
Fil-fatt dan l-aħħar anke ssemma li Muscat iriduh jieħu post Tusk bħala president tal-Kunsill Ewropew, “Nispera li le” wieġbet immedjatament Dalli. “għalih personali u għal pajiżna hi xi ħaġa pożittiva u kbira għax qed jiġi meqjus bħala leader fuq livell Ewropew. Iżda Malta u l-Partit Laburista għandna bżonnu fejn qiegħed.”
Iżda jekk Muscat jagħżel li jieħu dan il-post, Miriam Dalli lesta li tikkontesta li tkun kap hi u forsi tkun l-ewwel kap ta’ partit mara f’Malta? “Nisma ħafna għajdut u naf li jissemma ismi u nisma wkoll ismijiet ta’ persuni oħra. Nieħu għalija u ma naċċettax li tgħidli għax jien l-ewwel mara. Għax jekk għandi niġi kunsidrata għandha tkun fuq il-kapaċita tiegħi u mhux għax mara. Iżda għalissa onestament għandi xogħol x’nagħmel hawnhekk. U qed nitgħallem ħafna u bħalissa qed naħdem fuq leġislazzjonijiet Ewropej li qed nieħu gost naħdem fuqhom u li kieku nkun Malta ma nistax ninvolvi ruħi fihom speċjalment fuq liġijiet ambjentali fejn anke nħtart bħala l-kelliem uffiċċjali fuq l-ambjent, saħħa pubblika u sigurta tal-ikel.”
Mitluba għal darb’oħra tgħid x’tagħmel jekk jinqala l-każ wieġbet, “jekk jinqala l-każ imbagħad naraw.”
Dalli temmet din l-intervista billi qalet li tinsab kuntenta li tinsab għal sena oħra innominata għal Membru Parlamentari tas-sena fl-ambjent, “mhux se taqa d-dinja jekk ma neħodhiex iżda nieħu gost li niġi apprezzata għax-xogħol li nagħti.” Il-membru parlamentari Ewropew Laburista hi magħrufa fl-ambjent Parlamentari ta’ kemm tqatta sigħat fil-Parlament li wara 12-il siegħa tibqa sejra taħdem mid-dar ukoll. Meta nistoqsija x’timmissja minn Malta qaltilna, “il-baħar u x-xemx. Għax anke jekk ikun hawn ix-xemx fi Brussell, hi xemx kiesħa.”