Filmat | Il-prevenzjoni hija l-qofol ta’ kollox

L-ILLUM titkellem mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar kampanji ta' edukazzjoni mmirati għall-prevenzjoni ta' mard u tal-obeżità

Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne | Ritratt : James Bianchi
Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne | Ritratt : James Bianchi

“Il-kanċer jikkontribwixxi għal kważi 30 fil-mija tal-imwiet f’pajjiżna, b’madwar 1,800 każ ġdid irrappurtat kull sena.”

Dan sostnieh il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, hekk kif spjega wkoll li r-raġuni prinċipali għal dan huwa li l-poplu Malti qiegħed aktar ma jmur jikber fl-età, u li l-età avvanzata hija l-akbar fattur ta’ riskju għan-numru ta’ kanċer.

 

Fearne iżda qal ukoll li 40% tal-każi ta’ kanċer huma prevenibbli, u l-prevenzjoni hija l-aktar fattur importanti li l-pajjiż għandu jaħdem fuqu, u filwaqt li fuq livell Ewropew, Malta għandha rata għolja ta’ prevenzjoni f’mard prevenibbli, hemm aktar x’jista’ jsir.

“Il-kontributuri tal-kanċer li huwa prevenibbli, għandhom kollha x’jaqsmu mal-istil tal-ħajja li ngħixu, fosthom it-tipjip, l-alkoħol, l-obeżità, in-nuqqas ta’ eżerċizzju u l-espożizzjoni għax-xemx,” spjega l-Ministru Fearne.

 

‘Aktar faċli teduka t-tfal milli l-adulti dwar l-obeżità’

Punt partikolari msemmi fil-pjan nazzjonali għall-kanċer​, li ġie ppublikat fil-ġimgħat li għaddew, kien jitratta l-prevenzjoni tal-obeżità, speċjalment fin-nisa, li żżid ir-riskju ta’ kanċer tas-sider. Il-Ministru spjega li, “aħna nafu li l-obeżità ħafna drabi tibda mit-tfulija, fejn il-maġġoranza tat-tfal b’piż żejjed, jibqgħu jġorruh magħhom għall-bqija ta’ ħajjithom, u għaldaqstant edukazzjoni u prevenzjoni għandha tibda’ miċ-ċokon.”

L-obeżità ħafna drabi tibda mit-tfulija, fejn il-maġġoranza tat-tfal b’piż żejjed, jibqgħu jġorruh magħhom għall-bqija ta’ ħajjithom, u għaldaqstant edukazzjoni u prevenzjoni għandha tibda miċ-ċokon

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Fearne ħabbar li minn Ġunju li ġej, se jibda jkun hemm xahar fis-sena ddedikat għal ‘Tfal b’saħħithom’. Il-kampanja intensiva li ġġib dan l-isem se sservi biex teduka t-tfal dwar ħajja sana, mhux biss dwar piż, iżda anke fuq protezzjoni mix-xemx fix-xhur tas-sajf u dwar il-bżonn ta’ eżerċizzju regolari, minflok sigħat quddiem kompjuters u televiżjoni. ‘Tfal b’saħħithom’ se sservi biex teduka t-tfal dwar l-ikel, il-kwalità u l-kwantità neċessarja għalihom, kif ukoll dwar saħħa, tilqim u ħajja sana b’mod ġenerali. “Darba fis-sena, nibdew minn din is-sena, se jkollna xahar sħiħ, kompletament iddedikat għat-tema ta’ tfal b’saħħithom, għax jidhrilna li l-aħjar mod biex ikollna soċjetà b’saħħitha, u allura b’inqas mard, hija li niffukaw fuq l-edukazzjoni tat-tfal,” qal Fearne, li spjega li huwa aktar faċli tgħallem drawwiet tajbin lit-tfal milli tikkonvinċi adulti jaqtgħu vizzji mhux sani, jieqfu jpejpu jew jonqsu minn piż eċċessiv.

Id f’id mal-ikel, bħala parti importanti mill-kampanja ‘Tfal b’saħħithom’, se jkun hemm enfażi kbira fuq il-bżonn ta’ eżerċizzju regolari, speċjalment minn età żgħira. Fearne qal li “sfortunatament illum, bit-traffiku u n-nuqqas ta’ spazji, kif ukoll bil-kompjuters u logħob, it-tfal tagħna jqattgħu ħafna ħin sedentarju, aktar minn kemm suppost għalihom, u aħna bħala gvern iridu nagħmlu mezz biex nippromwovu aktar l-eżerċizzju u l-isport.”

Fejn tidħol dieta, Fearne qal li se jkompli x-xogħol biex jissaħħaħ il-kunċett ta’ dieta Mediterranja, li “bħalma nafu tinkludi ħut, frott u ħaxix u żejt taż-żebbuġa, u hija waħda mill-aktar dieti b’saħħithom fid-dinja. Huwa paradoss li aħna li ngħixu f’nofs il-Mediterran, ma tantx insegwuha.” Il-Ministru spjega li l-iskop ta’ dan huwa li titnaqqas ir-rata tal-kanċer kif juru studji dwar id-dieta sana Mediterranja.

 

Protezzjoni biex il-messaġġi mwassla lit-tfal fir-reklami ma jkunux qarrieqa

Punt li nteressa lill-ILLUM mid-dokument tal-kanċer, kien wieħed dwar l-infurzar u restrizzjonijiet fuq reklamar ta’ prodotti tat-tabakk, alkoħol u anke tipi ta’ ikel li mhux tajbin tas-saħħa. Dwar dan, il-Ministru għamilha mill-ewwel biċ-ċar li d-dokument tal-kanċer huwa wieħed konsultattiv u għaldaqstant mhux neċessarjament jiġi implimentat kull suġġeriment. Madankollu, huwa kkonferma li bħala parti mill-pjan, għal ċertu sezzjonjiet aktar vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, ikun tajjeb li wieħed jara x’tip ta’ messaġġi qed jitwasslulhom mill-media u mill-produtturi ta’ ċertu ikel u xorb. “Allura, rridu naraw ukoll li bħalma llum diġà huwa għaqli li ma jkunx hemm reklami ta’ sigaretti f’ċertu postijiet u avvenimenti, jista’ jkun li ssir xi razjonalizzazzjoni minn riklami ta’ ċertu prodotti, speċjalment meta dawn jaffetwaw is-saħħa tat-tfal.”

Il-Ministru ġie mistoqsi jekk hux se jkun hemm xi forma ta’ restrizzjoni jekk katina tal-fast food per eżempju, tkun trid tisponsorizza tim jew avveniment sportiv. Dwar dan, huwa rrisponda li “kemm jista’ jkun, wieħed għandu jeduka u mhux jimponi, hekk kif l-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jifhem x’inhu tajjeb jew ħażin għalih u għal uliedu.” Fearne żied jgħid li fejn jidħlu t-tfal, li huma aktar suxxettibbli u mhux neċessarjament jifhmu x’inhu l-aħjar għalihom, irid ikun hemm protezzjoni, li l-messaġġi kummerċjali li qed jaslulhom ma jkunux qarrieqa fin-natura tagħhom jew tal-prodott li qed jippromwovu. “Jiena nifhem li fuq dan is-suġġett hemm bżonn ta’ diskussjoni u fejn is-supretendent tas-saħħa pubblika jista’ jagħti pariri dwar l-aħjar mod kif jitwasslu ċerti messaġġi lit-tfal,” temm Fearne.

Kemm jista’ jkun, wieħed għandu jeduka u mhux jimponi, hekk kif l-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jifhem x’inhu tajjeb jew ħażin għalih u għal uliedu

Ħafna nies jemmnu li bl-istess mod kif fuq il-pakketti tas-sigaretti jitpoġġew stampi makabri ta’ mard relatati mat-tipjip, l-istess għandu jsir fuq ‘junk food’ speċjalment dak tal-kumpaniji l-kbar u fuq il-fliexken tas-softdrinks, bħala detriment, speċjalment għat tfal. L-ILLUM staqsiet lill-Ministru jekk jaħsibx li dan l-arġument hux sensat u jekk kieku t-tfal jaraw stampa ta’ obeżità, mard u snien imħassra fuq flixkun luminata iservix ta’ deterrent biex ma jieħdux luminata, jew tal-inqas inaqqsu. Dwar dan, Fearne tkellem dwar proposta mill-Għaqda Dinija ta-Saħħa (WHO), imsejjħa ‘Traffic Lights System’, li tista’ tiġi diskussa l-introduzzjoni tagħha hawn Malta. Din is-sistema taħdem permezz ta’ marki fuq it-tikketti tal-prodotti kollha, li bl-istess mod bħat-traffic lights, timmarka b’aħmar, isfar jew aħdar skont kemm il-prodott hux tajjeb jew ta’ deterrent għas-saħħa. Il-Ministru spjega li din is-sistema diġà qed tiġi kkunsidrata f’diversi pajjiżi Ewropej u jaħseb li tul is-snin, taf tiġi kkunsidrata hawn ukoll.

 

In-nuqqas ta’ ikel u xorb mhux tajjeb għas-saħħa, jibda mill-iskejjel

Minbarra żieda fuq il-prezz tas-soft drinks imħabbar fil-baġit li għadda, bħala parti minn ‘sugar-tax’, immirata biex tonqos il-popolarità ta’ xorb b’kontenut għoli ta’ zokkor, il-Ministru tas-saħħa informa lill-ILLUM li minn Settembru li għadda, fl-iskejjel kollha, ġie projbit il-bejgħ tas-soft drinks kollha. Huwa żied jispjega li l-pass li jmiss issa se jkun li jintużaw linji gwida dwar x’jista’ u ma jistax ikun disponibbli fil-canteens tal-iskejjel kollha. Minbarra gwida ta’ x’għandu jkun disponibbli, fl-iskejjel se jibdew isiru visti minn spetturi biex jassiguraw li r-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu osservati.

 

L-intervista sħiħa mal-Ministru Fearne ġiet ippublikata fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-gazzetta ILLUM. Aktar tard din il-ġimgħa, siltiet oħra minnha jiġu ppublikati fuq dan is-sit.

More in Intervisti