'Trid tinqata’ l-mentalità li l-Għawdxin huma ċittadini tat-tieni klassi'
'Kull proċess li sar qabel ma ġejt fdata b’dan il-Ministeru u li sar skont il-proċeduri, għandu u se jiġi rispettat'
minn John Busuttil
Wara s-suċċess tagħha fis-segretarjat parlamentari għall-anzjani u persuni b’diżabbilità Justyne Caruana ġiet promossa għal Ministru tal-gżira li twieldet, tarbbiet u tgħix fiha. “Ix-xogħol fost l-anzjani u l-persuni b'diżabbilità kien u jibqa' għażiż ferm għalija għax dak qasam li dejjem ħabbejt u jinvolvini b'mod dirett biex il-Gvern ikun qrib il-persuni vulnerabbli.
“Infatti, bħala Għawdxija fil-kabinett ħdimt qatigħ biex servizzi nazzjonali li għal bosta snin kienu jaslu biss saċ-Ċirkewwa, wassalthom u stabbilejthom għall-ewwel darba f'Għawdex ukoll. Il-politika kienet dejjem għalija ħajja ta' servizz tassew, ikun liema jkun il-qasam fdat lili. Meta l-Prim Ministru sejjaħli biex inkun Ministru għal Għawdex, għalija kienet tfisser li dak li wettaqt bħala Segretarju Parlamentari, inwettqu aħjar u b'aktar determinazzjoni fost u għal dawk l-istess nies li magħhom kbirt u trabbejt. Dan nista' nagħmlu għax għext bħalhom l-ansjetajiet u sfidi tagħhom u issa nista' ngħin u nsolvi aktar dak li jistennew u jixirqilhom mill-Gvern. Onorata li bl-esperjenza li ksibt se nservi lil Għawdex li tant inħobb.”
Justyne qalet ukoll li l-portafoll tagħha nbidel għal wieħed aktar mifrux fuq is-setturi kollha ma tantx jagħmlilha differenza għax fil-ħidma tagħha bħala Segretarju Parlamentari “dejjem fittixt li naħdem id f'id ma' ministeri u entitajiet governattivi oħra fl-oqsma tal-anzjani u d-diżabbilità. Id-dmirijiet tiegħi issa huma aktar mifruxa għal aktar setturi barra dawk ta' solidarjetà soċjali, imma bl-istess spirtu u valuri li dejjem ħaddimt: il-ġustizzja soċjali, l-integrità, it-trasparenza u l-konsultazzjoni ma' kull min irid jaħdem. Jekk il-portafoll kiber, daqstant ieħor kibret il-ħeġġa u d-determinazzjoni li naqdi dmiri kif jixraq. Jien irrid inservi u allura kull dikasteru li jiġi fdat lili huwa dmir tiegħi li nagħmlu suċċess.”
Għawdex jingħad li fejn jidħol il-ministeru meritokrazija ma teżistix. Lil min taf u mhux x’taf.
“Huma x'inhuma l-perċezzjonijiet li xi wħud jista' jkollhom dwar Għawdex, irrid immexxi u nservi kif dejjem għamilt. Nisma', nara u nifli sewwa. Nemmen li kull min għandu rieda tajba għandu wkoll kontribut x'jagħti. Mhix kwistjoni ta' wċuħ, daqskemm m'għandux ikun hemm lok għal min jgħid li jrid jaqdi dmiru, imma ma jwettqux. Ir-rieda tajba u l-fiduċja reċiproka huma l-qofol biex ikun hemm post għal kull min irid jagħti sehmu. Jien irrid naħdem ma' kulħadd u noħroġ il-potenzjal ta' persuna u npoġġih għad-dispożizzjoni ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Tgħallimt naħdem ma' kulħadd inklużi nies li qatt ma kont naf qabel. Illum għandi vantaġġ li naf in-nies min huma u xi jsarrfu. Il-politiku jrid ikun jaf jisma' lil kulħadd, imma jrid ikun leader fil-qasam li jkun responsabbli għalih. Din hi l-linja-gwida li diġà bdejt naddotta.”
L-oppożizzjoni dejjem attakkat lil gvern preżenti li neħħa s-saħħa kollha mill-ministru għal Għawdex? Ħafna Maltin jgħidu li Għawdex m’għandux bżonn ministeru. Għaliex ministeru f’Għawdex? U kemm għandu saħħa?
“Għawdex jeħtieġ Ministeru li jimplimenta u jikkoordina x-xogħol ta' ħafna dikasteri oħra skont l-esiġenzi partikolari ta' Għawdex, fejn primarjament dejjem ikkundizzjonati mill-iżvantaġġi tal-insularità doppja. Din realtà għalkollox distinta minn ta' distretti oħrajn. Wisq iktar minħabba mentalità inġusta li l-Għawdxin huma ċittadini tat-tieni klassi. Il-proġetti li ġabu tant suċċess f'Għawdex bl-ewwel Gvern Laburista huma prova li dik il-mentalità trid tinqata'. Il-proposti tal-manifest elettorali se jkomplu jsaħħu din it-trasformazzjoni. Is-saħħa tal-Ministeru titkejjel mix-xogħol tanġibbli li jitwettaq u li ma jkunx kożmetiku, kif ukoll mill-mod ekwu kif jilħaq lill-familji u lin-negozji. “Kull portafoll ikollu dik l-portata u l-impronta li jagħtih min imexxih. Is-setturi li kelli kienu emarġinati u spiċċaw fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern. Hekk biħsiebni nagħmel għall-Ministeru għal Għawdex”
Il-mentalità li Għawdex jiddobba b’li jifdal
Il-Ministru għal Għawdex qalet ukoll li forsi l-akbar problema li sabet ma’ wiċċha f’Għawdex hija proprju dik kulturali, “il-mentalità li trabbiet tul għexieren ta' snin li Għawdex jiddobba bil-frak li jifdal mill-mejda nazzjonali. L-aħħar erba' snin urew li naqqasna sew id-distakk u doqna s-suċċess f'kull qasam - u issa nżidu r-ritmu. Problema oħra hija fl-infrastruttura, fejn l-allokazzjoni finanzjarja għaliha hija mfassla skont id-daqs tal-popolazzjoni, meta fil-fatt irridu nilqgħu u nipprovdu għal ħafna iktar, meta tqis l-eluf ta' Maltin u barranin li regolarment iżuru u jgħixu żmien relattivament twil f'Għawdex. Fuq kollox irrid innibbet fl-Għawdxin iktar fiduċja fihom infushom biex noħroġ il-ħiliet kollha tagħhom.”
Nepotiżmu u parrokjaliżmu
F’din il-kampnaja elettorali li għadha kif intemmet il-ministeru għal Għawdex kien attakkat mill-oppożizzjoni li kien qed imexxi lill-gżira b’mentalità ta’ nepotiżmu u parrokjaliżmu. Tant li qabel l-elezzjoni daħlu fi skemi u bħala impjegati mal-gvern madwar 1,000 jew aktar mal-gvern. Xi ħaġa li l-Ewropa qed tiġġieled kontra tagħha.
“Nepotiżmu u parrokkjaliżmu ma jeżistux f'Għawdex jew f'Malta biss.” Stqarret mill-ewwel Jutsyne Caruana, “Veru, din mhi ebda konsolazzjoni, imma fl-istess ħin dejjem għidna li m'aħniex perfetti u dejjem sħaqna li kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha - minn fuq s'isfel. Quddiemna għandna t-tieni parti tal-Pjan Laburista u fih għandna nsibu soluzzjonijiet biex naħdmu aktar u aħjar, fuq linji kolleġġjali bħala Gvern. Kull proċess li sar qabel ma ġejt fdata b’dan il-Ministeru u li sar skont il-proċeduri, għandu u se jiġi rispettat.”
Il-ħaddiem Għawdxi
Sadattant ħafna huma tal-fehma u jiġeneralizzaw lill-ħaddiem Għawdxi bħala wieħed li jippanċja għax-xogħol u jitlaq jagħmel xogħol ieħor, “Kif għidt inti stess, mhux ġust li tiġġeneralizza u qabel xejn jixraq li wieħed jinvestiga l-fatti. Jien inqis lill-impjegati kollha f'kull dipartiment u f'kull settur bħala kollaboraturi tiegħi biex inservu u nagħmlu Għawdex aħjar. Bħala tali lkoll imħallsin għal xogħolna mit-taxxi tal-poplu, ta' dawk l-istess nies li nservu, u allura nistenna li lkoll naqdu dmirna kif u kemm jixraq. Qed niltaqa’ mal-ħaddiema, nismagħhom, nifhimhom u nara x’għandhom bżonn biex jaħdmu aħjar. Fuq kollox qed nispjegalhom fejn irrid nasal u x’għandi bżonn mingħandhom biex nilħaq l-għanijiet tiegħi u naslu flimkien.”
Sadattant il-ministru għal Għawdex tkellmet mad-diretturi kollha tagħha u tixtieq isserraħ ras kulħadd li kulħadd qed jaqdi dmiru kif mistenni, “Kif fissirtlek qabel, il-fiduċja trid tinbena biex takkwistaha. Jafu li lili se jsibuni u jafu wkoll li rrid inbiddel l-affarijiet biex inneħħi t-timbru negattiv u Inġust li jista' għandu l-Ministeru u l-ħaddiema. Jafu li kull avvanz li nagħmlu flimkien se jirrifletti mhux biss fuq il-Gvern iżda anki fuqhom u allura, apparti li qed inkun ta’ spalla għalihom. qed nimmotivhom kontinwament. Għandhom potenzjal u qed ngħinhom joħorġu t-talenti tagħhom u jħossuhom iktar kunfidenti anki fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”
In-negozjanti Għawdxin
Tkellimt magħha dwar it-tgergir tan-negozjanti Għawdxin li minħabba l-iskemi li nħolqu qabel l-eelzzjoni dawn spiċċaw bla ħaddiema, “Diġà tkellimt mal-Gozo Business Chamber u ftehemna li l-kooperazzjoni, ir-rieda tajba u d-djalogu bejnietna u dawk kollha involuti f'dal-qasam, għandhom ikunu l-mod effikaċi kif nimxu 'l quddiem. Il-Gvern għandu proposti serji u fattibbli, li kont involuta sew fit-tfassil tagħhom, u li kollha se jindirizzaw is-sitwazzjoni u jkomplu joħolqu aktar opportunitajiet għall-familji u l-intrapriżi lokali. Il-proċess ta' konsultazzjoni ma' kull min irid jaħdem jibqa' wieħed kontinwu. Mal-GBC qbilna wkoll li nagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni reali u kien għalhekk li inkarigajt ditta ta’ eseperti biex appuntu tagħmel din l-analiżi u l-GBC qablet ma’ din l-għażla. L-esperti ser ikollhom ukoll l-inkarigu li jaraw l-iskill gap u pay gap li għandna f’Għawdex. Dawn huma wkoll parti mill-manifest elettorali.”
Dixxiplina u integrità
Justyne Caruana hi magħrufa għad-dixxiplina tagħha u għalkemm hi ħabrieka u integra f’xogħolha, “L-integrità personali timxi miegħi kullimkien għax mhix limitata għal post jew ieħor. Id-differenza bejn ministeru f'Malta u ministeru f'Għawdex hija biss kwistjoni ta' distanza. Meta qiegħda nservi f'Għawdex, l-akbar ħin għalija jkun Għawdex f'kuntatt dirett mal-Għawdxin u s-siti tal-proġetti nfushom. Dan apparti x-xogħol parlamentari f'Malta, laqgħat tal-kabinett u safar fuq xogħol governattiv. Però kull fejn inkun, nidħol għall-sifida b’ruħi u ġismi u l-interess ta' Għawdex ma jonqos qatt.”
Proġetti
F’dawn l-aħħar erba’ snin ingħata bidu għal diversi proġetti, iżda kważi kollha kemm huma għadhom ma tlestewx. “Fl-aħħar erba' snin sar ħafna xogħol f'Għawdex u dan mertu tal-Gvern Laburista u tal-predeċessur tiegħi Dr Anton Refalo u tal-entitajiet li kellhom rieda tajba. Għadu kmieni wisq biex nidħol fid-dettal ta' kulma semmejtli, imma naċċertak li bdejt naħdem fuq kull proġett biex jitlesta u anki tajt direzzoni ċara fuq it-tibdiliet li huma meħtieġa li jsiru biex inqassru ż-żmien tal-implimentazzjoni u jkun hemm użu iktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-prijorità hi li jsir dak li hu l-aktar meħtieġ skont il-proposti li approvat il-maġġoranza tal-Għawdxin. Dan il-Gvern għandu l-kredenzjali kollha li jwettaq dak li jwiegħed u jien determinata li - bir-rieda tajba ta' kull min irid jaħdem - naslu, kif diġà wrejna f'xogħlijiet li diġà twettqu, li jekk forsi jidhru żgħar, jindikaw sew kif se naħdem. Irrid ngħid ukoll li l-manifest elettorali għal Għawdex huwa wieħed ambizzjuż ħafna u jien determinata li nwettqu.”
Dwar proġetti ġodda li għandha f’moħħha li jibda x-xogħol fuqhom huma “proġetti li permezz tagħhom nirriġeneraw żoni li għandhom potenzjal u bżonn jingħataw il-ħajja. Qed nara proġetti għal Marsalforn u x-Xlendi u nħawi oħra kif ukoll dawk imsemmija fil-manifest elettorali li jolqtu l-agrituriżmu, niċeċ godda turistiċi li jirrekjedu proġetti infrastrutturali ġodda.”
Gozo Channel
Dan l-aħħar ħarġu diċeriji li Justyne Caruana neħħiet xi nies mill-Gozo Channel, “Nitbissem nisma' dawn l-istejjer kollha, li minnhom qed jgħidu ħafna. Dwar il-Gozo Channel ukoll għandna mandat qawwi ħafna u l-ewwel sfidi li għandna huma l-fast ferry u l-Public Service Obligation Call. Żewġ proċessi kruċjali għall-Gozo Channel li qabel ma jiġu sorvolati mhux għaqli li wieħed jantiċipa xejn minħabba li tista’ tippreġudika l-pożizzjoni tal-Gozo Channel innifisha u kull informazzjoni li tingħata bħalissa tieħu natura ta’ sensittività kummerċjali.”
Servizz, integrità u ħidma kontinwa
Mitluba tgħid x’se jkun it-timbru ta’ Justyne Caruana f’din il-leġiżlatura, “It-timbru tiegħi f'din il-leġiżlatura se jkun dak li kelli dejjem tul l-14-il sena li ili nservi lill-Għawdxin fil-parlament - sens ta' servizz, integrità u ħidma kontinwa. Warajja nixtieq inħalli gżira isbaħ, aktar organizzata u dixxiplinata b'ħajja aħjar għall-familji kollha u l-intrapriżi tagħna. Il-ħolma li kelli minn ċkuniti tibqa' li Għawdex jilħaq il-milja tiegħu bħala reġjun, b'ġenerazzjoni żagħżugħa li temmen iktar fiha nnifisha u dak li għall-antenati tagħna kienu sfidi, tibdilhom f'opportunitajiet għall-aqwa żmien.”