'Jekk jirriżenja Delia hemm nies tajbin li jistgħu jmexxu lill-PN'

F'intervista mal-gazzetta ILLUM Wayne Hewitt, persuna voċifera kontra Adrian Delia, jgħid għaliex hu u ħafna oħrajn fil-PN ma jemmnux li Delia huwa idoneu għall-kariga ta' Kap

Wayne Hewitt | Ritratt: James Bianchi
Wayne Hewitt | Ritratt: James Bianchi

Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn żmien iebes ta’ firda fil-ħsieb u telfiet elettorali. Wieħed jista’ jgħid illi eluf ta’ votanti tilfu l-fiduċja f’Adrian Delia u li dan jista’ verament iwassal lill-partit għar-rebħ.

Wieħed minn dawk li huma voċiferi kontra Delia huwa Wayne Hewitt.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ miegħu biex tifhem aħjar x’inhi l-problema, x’qed idejjaqhom f’Delia u għaliex ma jħossx li għandu jaċċetta rebħa darba, darbtejn ta’ Delia fil-partit.

Min hu Wayne Hewitt?

Wayne Hewitt huwa wieħed minn dawk li huma relattivament ġodda fil-partit -  jekk se nqabbluh ma’ nies bħal Louis Galea u Ċensu Galea, it-tnejn issa għandhom kariga fil-partit mill-ġdid.

Fl-2009 Hewitt daħal fil-Kumitat Sezzjonali tal-PN fil-Gżira, imbagħad sar Assistent Segretarju tal-istess Kumitat u wara li Simon Busuttil sar Kap Nazzjonalista kien ikkontesta l-elezzjoni lokali u kiseb 638 vot, jew l-akbar numru ta’ voti mill-kandidati kollha ta’ kull partit fil-lokalità.

Kien ħareġ għall-elezzjoni tal-2017 li jgħid illi ma tantx ħadem għaliha minħabba studju imma li jisħaq illi tatu idea ta’ kif tinħadem elezzjoni. Ifakkar illi fl-10 distrett il-PN kien ħareġ numru kbir ta’ 22 kandidat.

“Illum għadni Kunsillier fil-Kunsill Ġenerali u naturalment tesserat,” saħaq Hewitt.

‘Kieku baqa’ Kap Busuttil jew bqajna mexjin fl-istess triq ...’

Induru fuq Simon Busuttil. Hewitt tella’ ritratt tiegħu ma’ Simon u rringrazzjah. Dawk li ma jaqblux ma’ Busuttil, Nazzjonalisti u Laburisti, jistaqsu: imma tirringrazzjah ta’ xiex?

Il-partit kompla jżid it-telf u ħalla partit maqsum daqs qatt qabel.

Hu jgħid illi l-ewwel nett ir-ringrazzjament tiegħu huwa personali għax Busuttil emmen fil-potenzjal tiegħu. 

It-tieni nett huwa jfakkar illi bejn l-2013 u l-2017 id-distakk żdied biss marġinalment, b’xi 100 vot għal 35,280.

Din l-istqarrija hija parzjalment vera, għalkemm il-PL żgur li mhux se jinterpretaha bl-istess mod. Id-differenza bejn il-PN u l-PL kienet ta’ 35,280 vot fl-aħħar elezzjoni ġenerali, imma dan dejjem jekk tgħodd il-madwar 4,000 vot li kiseb il-Partit Demokratiku.

“Iva, vera tlifna bil-kbir imma nemmen li bħala partit konna sejrin fit-triq it-tajba ... l-ammont ta’ Nazzjonalisti li vvutaw żdied fl-2017,” jgħid Hewitt li jammetti li naturalment in-numru ta’ votanti Nazzjonalisti ma żdiedx daqs dawk Laburisti.

Madanakollu tqabbila bejn l-elezzjoni tal-2013 u dik tal-2017 turi illi fil-verità ż-żewġ partiti żiedu l-bażi tagħhom b’mod minimu u ugwali - il-PN żied 3,270 vot u l-PL żied 3,443 vot.

“Il-PN kellu numru ta’ proposti u anke dokument bi proposti dwar il-governanza, imma kemm qrawh?  Waħda mid-defiċjenzi tagħna kienet li ffukkajna ħafna fuq il-governanza - u din hija tajba - imma ma spjegajniex il-proposti l-oħrajn għall-pajjiż,” ammetta Hewitt.

Huwa qal illi wara telfa, speċjalment wara dik bħal tal-2017, ikun diffiċli li Kap jibqa’ fil-kariga.

“Nemmen li dak iż-żmien Simon Busuttil kien għamel sew li rriżenja. Meta nħares lura naħseb illi kieku baqa’ hu jew kieku bqajna mexjin fl-istess triq, konna nkunu f’sitwazzjoni aħjar milli aħna llum.  Nemmen li konna nibdew innaqqsu dak id-disktakk.”

Jekk persuna tkun Kap u jkollha dellijiet ta’ ħasil ta’ flus fuqha, xi kredibilità jista’ jkolli jiena nikkritika lill-Gvern fuq dellijiet ta’ ħasil ta’ flus? Wayne Hewitt

Marlene Farrugia: ‘Naf ħafna li vvutawlha għax ħarġet taħt il-kappa tal-PN’

Nibdew inħarsu lejn ċerti deċiżjonijiet ta’ Busuttil u la semmejna l-Partit Demokratiku l-gazzetta tistaqsi: Ma jaħsibx li din il-koalizzjoni kienet deċiżjoni ħażina li tellfet lill-PN żewġ siġġijiet Parlamentari?

“Meta saret dakinhar ma kienx żball, le,” jibda jispjega Hewitt li qal illi meta dar id-distrett kien jiltaqa’ ma’ ħafna li  jgħidulu li se jivvutaw lil Marlene Farrugia, għax mara, għax jammirawha għall-kuraġġ imma wkoll għax se toħroġ taħt il-kappa tal-PN.

“Dak iż-żmien fil-partit ma konniex naħsbu li se nitilfu b’daqshekk, imma kkalkulajna li d-distakk kien se jkun bejn 15,000 u 18,000 vot u dan għaliex fis-sondaġġi ħafna ma kinux qed jgħidu lil min se jivvutaw,” ifakkar. 

Hu jgħid illi x-xejra normali hija li dawk li ma jkunux iridu jgħidu lil min se jivvutaw ikunu, fil-maġġorparti tagħhom, kontra l-Gvern u ma jgħidux lil min se jivvutaw minħabba biża’ jew nuqqas ta’ fiduċja f’min qed jagħmel is-sondaġġ.

“Din id-darba kienet differenti.”

“Aħna qatt ma aċċettajna koalizzjoni mal-PD. Huma aċċettaw li joħorġu taħt il-kappa tal-PN,” insista Hewitt.

“Jiena kelli ħafna esperjenzi ta’ nies li jgħiduli illi kienu se jivvutaw lil Farrugia ladarba tekinikament kienet ħierġa mal-PN.”

‘Il-Labour għandu bażi ta’ votanti leali ikbar mill-PN’

U qed insemmu d-distretti ta’ Hewitt. Dawn huma d-disa’ distrett li jinkludi lis-Swieqi, Tal-Ibraġġ u l-Madliena, l-akbar fortizza Nazzjonalista u l-10 distrett li jinkludi lil Tas-Sliema u San Ġilajn  - lokalitajiet tradizzjonalment b’maġġoranzi kbar Nazzjonalisti.

Bosta jgħidu li dawn iż-żewġ distretti, flimkien mat-12-il Distrett li jinkludi lil San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa huma l-aktar problematiċi għall-PN. Vera?

Hewitt jgħid li milli jara hu, fin-Nofsinhar tal-pajjiż -  fejn minkejja li f’minoranza hemm eluf ta’ Nazzjonalisti - dawn huma ħafna aktar leali lejn il-Kap tal-partit.

“Imma iktar kemm titla’ ’l fuq, aktar il-bażi ta’ appoġġ issir flessibbli. Dan f’ambitu tal-fatt illi l-bażi tal-votanti tal-Labour hija ħafna ikbar. Nikkalkula li l-PL għandu 40% li jiġri x’jiġri u jagħmel x’jagħmel, dawn dejjem se jivvutawlu. Dan il-persentaġġ jinżel għal 20%, l-aktar, l-aktar 30% għall-PN,” jammetti Hewitt.

Huwa jfakkar li kien propju għalhekk li eluf ta’ votanti għax ma kinux komdi jew ċerti bil-partit jew saħansitra minħabba l-mod kif ġew trattati mill-partit, qalbu l-vot tagħhom.

“Jiġifieri l-Partit Nazzjonalista għandu biċċa xogħol ikbar, għax irid jiġbor lura nies li ġejjin minn sfond Nazzjonalista u li ma baqgħux jivvutaw lill-Partit.”

‘Ħafna Nazzjonalisti jridu sistema meritokratika u bla korruzzjoni’

Analiżi żbaljata jekk ngħidu li ħafna minn dawk li huma kontra Delia ġejjin mill-klassi tan-nofs, jattendu viġili ta’ Daphne Caruana Galizia, jikkomunikaw aktar bl-Ingliż u ġejjin mid-distrett tiegħu?

“Le mhux totalment ħażina. Dawk li qed juru reżistenza huma ġeneralment nies mhux dipendenti mill-politiċi, nies ta’ karriera li ma jarawx il-politika mill-ottika ta’ pjaċiri.  Allura l-unika interess fil-politika jkun li tgħix f’pajjiż normali mingħajr korruzzjoni, fejn teżisti l-meritokrazija ...”

Huwa qal li hemm numru kbir ta’ Nazzjonalisti li jridu din it-tip ta’ sistema politika, inkwantu minn jekk taħt Gvern Nazzjonalista kinitx hekk jew le.

“Dawn jaraw li Delia huwa xi ftit jew wisq bħal esponenti tal-Partit Laburista ... skużi aħna jekk, fl-ideoloġija tagħna nemmnu u nitkellmu favur il-meritokrazija, u kontra l-korruzzjoni u niġġieldu l-ħasil tal-flus, kif jista’ joħroġ Kap li propju għandu dawn id-dellijiet? Jekk persuna tkun Kap u jkollha dellijiet ta’ ħasil ta’ flus fuqha, xi kredibilità jista’ jkolli jiena nikkritika lill-Gvern fuq dellijiet ta’ ħasil ta’ flus?” staqsa rettorikament Hewitt.

‘Din mhix personali imma politika’

Imma nfakkru li Delia tela’ demokratikament u t-tesserati għażlu wara li kienu diġà ħarġu dawn l-akkużi. “Anke Muscat tela’ b’mod demokratiku u bil-kbir.  Mela għalfejn irriżenja? Għax ġarr ir-responsabbilità poltika.”

Huwa jgħid illi t-tesserati m’eleġġewx lill-Kap għal dejjem, lanqas bilfors sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Din mhix xi ħaġa personali, Delia huwa bniedem kariżmatiku. L-argumenti tiegħi huma politiċi għax jiena rrid li l-PN ikollu Kap li kapaċi jrebbaħ lill-partit.”

Huwa jsemmi l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħid li anke hawnhekk, Delia m’għandu l-ebda kredibbilità meta jitkellem.

“Kull darba li jgħid xi ħaġa fuqha jqum il-Labour ifakkru li għajjarha biċċa blogger.  Kif jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar Daphne meta aqta’ kemm għajjarha u xerred il-mibegħda lejha fil-partit?” jistaqsi.

Hewitt ifakkar li Joseph Muscat kien fil-mira ta’ Caruana Galizia kuljum, imma xorta qatt ma ħareġ jgħajjarha fil-pubbliku.

“Għax hemm makkakkerija politika. Ara Delia ....”

“Fil-grupp Parlamentari hemm frustrazzjoni dwar din il-kwistjoni ta’ Daphne Caruana Galizia,” sostna Hewitt li spjega kif kull darba li d-Deputati jitkellmu dwarha l-PL jassoċjahom mat-tgħajjir ta’ Delia lejha u l-investigazzjoni fuqu dwar ħasil ta’ flus.

“Dawn ma jistgħux imexxu l-politika tagħhom b’mod effettiv.”

‘Il-fazzjoni ta’ Busuttil ma teżistix’

Ħafna drabi ssir l-akkuża illi l-PN maqsum f’fazzjonijiet: il-fazzjoni ta’ Simon u dik ta’ Delia. Imma din mhux ovvja qed tidher issa?

“L-ewwel nett il-fazzjoni ta’ Busuttil ma teżistix. L-ambizzjoni ta’ Busuttil hija fl-UE kif qed naraw u ibqa’ ċert li Busuttil m’għandu ebda interess jerġa’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni.”

Huwa qal illi dak li hemm fil-partit huwa li hemm grupp ta’ nies li huma leali lejn Delia b’mod assolut u għami.

“Imbagħad hemm oħrajn u linja ta’ ħsieb oħra ta’ dawk li ma jarawx lil Delia bħala Kap idoneu. Forsi iktar ngħid li hemm fazzjoni favur Delia u oħra kontra.”

“Mhux kontrih għax ġej minn barra jew għax xi sfida għall-istatus quo jew għax kontra l-establishment, kif jgħidu ... u din tal-establishment oħra. Delia mdawwar b’nies tal-establishment: David Agius hemm kien qabel, Clyde Puli kien hemm qabel, Robert Arrigo kien hemm qabel ... “

Huwa jgħid li Francis Zammit Dimech bħala Segretarju ġenerali huwa pass pożittiv għax dan qed jagħmel ħafna medjazzjoni.

‘Naħseb Delia qed jibqa’ biex jisfida’

Imma għaliex jaħseb li Delia jrid jibqa’ minkejja dak kollu li ġara? U minkejja illi tilef ħafna appoġġ minn fost id-Deputati u probabbilment se jitlef bil-kbir f’elezzjoni ġenerali?

“Naħseb li biex jisfida ... dan jaf li m’għandux ċans jirbaħ.”

‘Tant hu imminat li impossibbli jnaqqas id-distakk’

Imma taħseb li kapaċi jnaqqas id-distakk?

“Naħseb li tant huwa imminat Delia li naraha impossibbli jnaqqas id-distakk u impossibbli li jrebbaħ.”

Huwa qal illi teżisti biża’, speċjalment bir-riżultat tal-aħħar sondaġġ fuq il-gazzetta Maltatoday illi l-Partit Laburista jirbaħ iż-żewġ terzi tal-Parlament. Fakkar illi  bħala fiduċja l-PM Abela, li jammetti li jidher illi ntlaqa’ tajjeb, kiseb 62% u biex partit jikseb iż-żewġ terzi jeħtieġ 66% tal-voti.

“Jekk jiġri hekk il-Partit Laburista jispiċċa, prattikament partit dittatorjali. Jekk minħabba Delia l-PL jirbaħ żewġ terzi tal-Parlament jiena nkun nista’ ngħid li tkellimt.”

U jekk jirriżenja Delia?

Bosta jistaqsu, imma min jekk mhux Delia?“Għalija dan huwa argument banali. Hemm ħafna nies u ħafna materjal li għadu ma ħariġx fil-beraħ.”

“Robert Abela u Chris Fearne ma sfidawx lil Muscat. L-ewwel irriżenja mbagħad ħarġu isimhom għat-tmexxija.”

“Jekk jirriżenja Delia hemm nies u nies tajbin li jistgħu jmexxu lill-PN ’il quddiem. Li hu żgur huwa li għandna bżonn persuni b’esperjenza politika.”

‘Franco Debono u ħafna oħrajn għandhom jingħataw ċans ieħor’

Finalment nistaqsih nies bħal Franco Debono hemmx posthom fil-PN.

U tweġiba hija ċara: “Allaħares noqogħdu ngħidu għax dak dar mal-Labour nagħlqulu l-bieb  u daqshekk. Mhux Franco Debono biss, però huwa wkoll flimkien ma’ eluf għandhom jingħataw ċans ieħor fil-PN.”

 

More in Intervisti