Il-parkeġġ tal-Valletta Waterfront jerġa’ jinfetaħ fi ftit xhur

L-entratura magħluqa tal-parkeġġ
L-entratura magħluqa tal-parkeġġ

Kull min żar il-Valletta Waterfront fl-aħħar jiem probabbilment kellu problema biex jipparkja, wara li żona ta’ parkeġġ imdaqqsa ftit passi ’l bogħod mill-istess stabbilimenti ngħalqet għall-karozzi.

Din il-gazzetta tinsab infurmata li dan qed isir minħabba riabilitazzjoni ġenerali tal-moll, li se jkun qed jissaħħaħ biex jiflaħ għal vapuri aktar moderni wara li ilu mibni madwar 50 sena.
B’mod partikolari, l-għeluq ta’ dan il-parkeġġ inħass l-aktar f’Jum l-Omm.
Sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu kif numru ta’ konsumaturi waslu tard jew saħansitra kkanċellaw xi mwejjed li kellhom. Oħrajn spiċċaw ipparkjaw fil-parkeġġ tal-Furjana, madwar għaxar minuti mixi ’l bogħod.
Kelliema għall-Ministeru għat-Trasport qalet li filwaqt li l-parkeġġ alternattiv fiż-żona hu limitat, wieħed seta’ juża l-Park & Ride b’aċċess dirett lejn il-Valletta Waterfront.
“Transport Malta tirrikonoxxi li l-għeluq tal-parkeġġ joħloq inkonvenjent, iżda wieħed irid jifhem li minħabba l-kobor tal-proġett dan ma jistax jibqa’ jitħalla jsir minħabba s-saħħa u s-sigurtà ta’ min jipparkja l-vettura tiegħu,” spjegat il-kelliema.
Jidher li l-għeluq tal-parkeġġ hu temporanju sakemm jitlestew x-xogħlijiet, u mistenni jinfetaħ lejn l-aħħar tas-sena.
Iżda biex tonqos l-inkonvenjenza, il-ministeru kkonċernat iddeċieda li l-parkeġġ jibda jinfetaħ gradwalment meta jkun hemm partijiet minnu li jkunu lesti.
“Qegħdin insegwu l-progress tax-xogħol li qed jinqasam f’fażijiet differenti biex ikun possibbli li dan il-parkeġġ jibda jinfetaħ parti, parti, biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent.”
“Meta eventwalment jitlesta x-xogħol kollu infrastrutturali, il-parkeġġ imbagħad jerġa’ jingħalaq kompletament għal żmien qasir biex jingħata wiċċ tarmac,” żiedet tgħid il-kelliema.

 

More in Kronaka