650 ċitazzjoni fis-sena għal-liċenzji skaduti

Is-sena li għaddiet uffiċjali tal-Pulizija taw 612-il ċitazzjoni b’rabta ma’ liċenzji skaduti
Is-sena li għaddiet uffiċjali tal-Pulizija taw 612-il ċitazzjoni b’rabta ma’ liċenzji skaduti

Mill-2011 s’issa ġew rappurtati kważi 2,300 każ ta’ persuni li jsuqu vetturi mingħajr liċenzja jew b’liċenzja skaduta. Dan ifisser medja ta’ aktar minn 650 ċitazzjoni fis-sena.
Minn informazzjoni li ġabret din il-gazzetta, jidher li dan in-numru jista’ jkun ħafna ikbar peress li ma jinkludix iċ-ċitazzjonijiet li jingħataw mill-gwardjani lokali.
Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-pulizija kienet diġà tat aktar minn 300 ċitazzjoni, li tikkonferma x-xejriet tal-aħħar snin.
Is-sena li għaddiet, uffiċjali tal-pulizija taw 612-il ċitazzjoni b’rabta ma’ liċenzji skaduti. Fl-2012 huma taw kważi 680 ċitazzjoni oħra filwaqt li fis-sena ta’ qabel (2011) dan l-ammont niżel għal 574.
Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport sostniet mal-gazzetta ILLUM li l-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta “okkażjonalment jistgħu” joħorġu ċitazzjonijiet meta jiltaqgħu ma’ każi ta’ vetturi b’liċenzji skaduti.
“Madankollu dan ix-xogħol prinċipalment isir mill-gwardjani lokali u l-pulizija,” ssuktat tgħid il-kelliema.
Infatti, mill-2011 sa April ta’ din is-sena Transport Malta ħarġu kważi 110 ċitazzjoni, kkumparati mal-2,167 ċitazzjoni li ħarġu l-pulizija fl-istess perjodu.
Minn informazzjoni li ħarġet fil-Parlament aktar kmieni din is-sena, jidher li l-ammont ta’ vetturi bil-liċenzji mhux imħallsa huwa ħafna aktar.
Skont informazzjoni li kien ta l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi f’Marzu 2014, jidher li f’Malta kien hawn mal-24,000 vettura bil-liċenzja mhux imħallsa, fosthom 17,000 karozza tal-passiġġieri u 2,000 mutur. Madankollu, hu maħsub li numru żgħir biss minnhom, ta’ madwar 1,600, li għadhom joperaw fit-toroq Maltin.
Kull min jinqabad isuq mingħajr liċenzja jiġi mwaqqaf milli jkompli jsuq u jiġi mħarrek.
Ħafna drabi l-akkużati li jinstabu ħatja jeħlu multi filwaqt li każi aktar serji, fosthom dawk li jinqabdu għat-tieni darba jew aktar, ikunu qed jirriskjaw sentenzi ta’ priġunerija.
F’diversi każijiet, il-Qorti ġieli tiddeċiedi wkoll li tissospendi l-liċenzja tas-sewqan u ma tħallix lill-akkużat isuq għal perjodu ta’ żmien.
Il-pubbliku jista’ jinforma direttament lill-pulizija jekk ikollu xi informazzjoni fuq vetturi li jkollhom liċenzji skaduti.

 

  2011 2012 2013 2014
Ċitazzjonijiet Pulizija 574 678 612 303
Ċitazzjonijiet TM 15 12 67 15
TOTAL 589 690 679 318

 

More in Kronaka