L-aħħar xogħlijiet fuq l-isptar ġdid tal-kanċer

Il-proġett kien stmat li jiġi jiswa ftit inqas minn 55 miljun ewro, b’44 miljun minnhom ikunu mħallsa minn fondi Ewropej.

Il-proġett fuq l-għatba ta’ Mater Dei mistenni jiswa €55 miljun
Il-proġett fuq l-għatba ta’ Mater Dei mistenni jiswa €55 miljun

Il-proġett tal-isptar il-ġdid tal-onkoloġija jinsab miexi kif pjanat, jiġifieri li sal-aħħar ta’ din is-sena jkun diġà fetaħ il-bibien u beda jilqa’ l-ewwel pazjenti.

Dan ikkonfermatu kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa, li madankollu żiedet tgħid li ma tistax tagħti data definittiva ta’ meta dan se jibda jopera.
“Fil-preżent qed jinżammu b’mod regolari laqgħat tal-bord responsabbli minn dan iċ-ċentru, biex tiġi identifikata l-aħjar data ta’ meta dan l-isptar jista’ jilqa’ l-ewwel pazjenti,” qalet il-kelliema.
L-isptar il-ġdid tal-kanċer inbena fuq l-għatba tal-isptar Mater Dei, b’tali mod li servizzi simili bħal dawk tal-ematoloġija jibdew ikunu offruti f’dan l-isptar il-ġdid b’mod aktar speċjalizzat. Se jkun hemm ukoll aċċess dirett bejn iż-żewġ sptarijiet.
“Ix-xogħol jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel u filwaqt li l-bini tlesta, bħalissa qed isir ħafna xogħol ieħor neċessarju biex l-isptar ikun jista’ jiffunzjona,” ssuktat tgħid il-kelliema.
L-isptar il-ġdid tal-onkoloġija se jkun qed jieħu post l-isptar Pawlu Boffa fil-Floriana. Ikkumparat mal-isptar Boffa, l-isptar il-ġdid se jkollu 82 sodda residenzjali għal kura speċjalizzata, 55 sodda aktar minn Boffa. Iċ-ċentru tal-onkoloġija se jkollu wkoll 31 sodda oħra għal kura ta’ kuljum.
Dwar il-proċess ta’ tranżizzjoni bejn it-tmiem tal-isptar Boffa u t-twelid taċ-ċentru l-ġdid, il-kelliema qalet li l-prijorità se tkun il-pazjent.
“Il-pjan ta’ tranżizzjoni huwa bbażat fuq konsiderazzjonijiet għall-bżonnijiet tal-pazjent u biex bl-ebda mod ma tkun affetwata l-kura li tingħata lill-pazjent.”
Inizzjalment il-proġett intlaqa’ b’xettiċiżmu mill-professjonisti u l-infermiera minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġ, tant hu hekk li l-MUMN kienet ordnat li jekk il-problema ma tissolvix, l-infermiera ma kinux se jiċċaqalqu mill-isptar Boffa. Iżda l-kelliema sostniet li wara diskussjonijiet ġie maqbul li kemm l-infermiera kif ukoll il-pazjenti se jkollhom spazju adekwat għall-parkeġġ.
 

 

More in Kronaka