L-għan tal-proġett huwa li jiffaċilita trasmissjonijiet diretti jew irrekordjati mingħajr il-ħtieġa li personalitajiet Għawdxin ikollhom jiġu kull darba Malta biex jieħdu sehem fi programmi televiżivi jew ikunu intervistati fuq it-televiżjoni nazzjonali.
Il-Ministeru għal Għawdex ta appoġġ sinifikattiv lil dan il-proġett u ftehim dwaru ġie ffirmat bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex John Borg u l-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard fi tmiem laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS dedikata lil Għawdex. It-taħdidiet tmexxew mill-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo maċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS Tonio Portughese.
Din il-konnessjoni bl-internet qed titħaddem minn studjo żgħir li twaqqaf apposta mill-PBS fil-Belt Victoria, sistema bl-aqwa teknoloġija magħrufa bħala DMNG (Digital Mobile News Gathering) li permezz tagħha ssir trasmissjoni bil-vidjo ta’ kwalità tkun integrata f’datastream u tintbagħat fuq faċilità ta’ “speed internet”. Is-sistema għandha seba’ kanali simultanji b’konnessjonijiet 3G, tagħti l-faċilità bħala konnessjoni mobbli bl-internet għal aħbarijiet urġenti jew ġrajjiet ta’ emerġenza minn Għawdex.
Il-proġett ta’ konnessjoni bis-sistema tal-IP internet li jgħaqqad lil Għawdex mal-PBS fi Gwardamanġa jifforma parti mill-inizjattivi li s-servizz tax-xandir pubbliku qed jieħu biex itejjeb u jwessa’ l-attenzjoni u l-promozzjoni tad-diversi realtajiet fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, kulturali, mużikali, sportivi, reliġjużi billi jirrifletti l-karatteristiċi distinti tal-gżira Għawdxija.