Min jiżvoga fuq l-internet, u min għadu jikteb fuq il-ħajt
Erba' kelmiet x'tixtarr
minn Jean Pierre Cassar
Għalkemm il-bniedem sar għandu kull tip ta’ mezz modern u teknoloġiku kif jikkomunika jidher li xorta għadu jħoss il-ħtieġa li jsemma’ leħnu b’mod tradizzjonali, il-kitba fuq il-ħajt.
Dawn l-erba’ ritratti huma meħuda minn bnadi differenti ta’ Malta. L-erba’ li huma għandhom xi ħaġa simili, kwotazzjoni miktuba bi sprej iswed u li twassal messaġġ li fih x’togħmod, bl-Ingliż.
L-iktar waħda li ilha preżenti hija tal-Balluta, fir-rampa ftit metri ’l bogħod mill-knisja tal-Balluta. Din tgħid, ‘I saw the greatest minds of my generation destroyed by madness’ li tfisser ‘Rajt l-ikbar imħuħ tal-ġenerazzjoni tiegħi meqruda bil-ġenn’. Jidher li xi ħadd, bi sprej aħmar żied ‘& pain’, ‘u bl-uġigħ’. Taħt, din il-kwotazzjoni hi ffirmata bi sprej aħmar ukoll – Basil.
L-istess firma tidher fil-kwotazzjoni int u dieħel l-Università ta’ Malta. Li tgħid ‘…People get the government they deserve’ li tfisser ‘Il-poplu jikseb il-gvern li jistħoqqlu’. Fiha x’togħmod!
Kwotazzjoni oħra xirfet din is-sena fuq l-istejġ tal-linja magħruf bħala l-Bombi. Fi triqtek lejn l-Imsida. Fiha hemm miktub ‘The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams’, bil-Malti, ‘Id-Dinja hi mimlija b’rejiet u rġejjen li jagħmuk u jisirqulek ħolmietek.’
Fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ intlemħet kwotazzjoni oħra, ‘We buy shit we don’t need – with money we don’t have – to impress people we don’t like’ li tfisser ‘Nixtru mbarazz li m’għandnix bżonn, bi flus li m’għandnix biex nimpressjonaw nies li ma jgħoġbuniex’.
Imma din arti jew ħmieġ? X’inhu l-messaġġ li jridu jgħaddu dawn il-persuni? Forsi jġiegħluna naħsbu jew jolqtuna fil-laħam il-ħaj? X’erba’ kelmiet dawn! Kemm fihom x’tixtarr!