Ħaddiema tas-salvataġġ qed jirrapurtaw li raw numru ta' katavri f'wiċċ il-baħar fl-istess zona fejn aktar kmieni nstabu fdaljiet tal-ajruplan tal-AirAsia li għeb tlett'ijiem ilu. Ir-rapporti tal-media Indoneżjani jgħidu li nstabu wkoll bagalji kif ukoll ġgieget tas-salvataġġ.
~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~
Oġġetti f’wiċċ il-baħar ġew ikkonfermati bħala fdaljiet tal-ajruplan tal-AirAsia. It-titjira QZ8501 kienet għebet tlett ijiem ilu ftit wara li l-piloti kienu talbu biex itiru f’aktar għoli minħabba maltemp li kienu qed jiffaċċjaw fir-rotta. Il-kuntatt mal-ajruplan kien intilef proprju ftit wara dan l-aħħar kuntatt iżda qatt ma’ ntbgħat ebda sinjal ta’ emerġenza.
Jidher issa li minn fdaljiet li nstabu qed ikun ikkonfermat li jappartjenu għall-ajruplan mitluf.
~~~~~~~
Qed ikomplu dalgħodu t-tfittxijiet għall-ajruplan tal-AirAsia li għeb jumejn ilu b’162 persuna abbord.
L-indikazzjonijiet li hemm bħalissa huma li l-ajruplan jista’ jkun li waqa’ fil-baħar u li jinsab fil-qiegħ u għalhekk it-tfittxija qed tkun iffukata fl-inħawi tal-baħar ta’ Java, fejn hu mifhum li l-ajruplan tilef il-kuntatti li kellu waqt titjira minn Surabaya fl-Indoneżja lejn Singapore.
L-aħħar kuntatt mill-piloti waqt it-titjira sar biex talbu permess ibiddlu r-rotta minħabba t-temp ħażin li kien hemm quddiemom. Minkejja dan huma ma bagħtu l-ebda sejħiet ta’ emerġenza qabel ma’ l-ajruplan sparixxa minn fuq ir-radar.
L-AirAsia ilha topera sa mill-2001 u hija linja tal-ajru ‘low cost’.