Xlukkajra taqla daqqa ta sikkina u jisirqulha l-handbag

L-attakkant ħarab minn fuq il-post

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-erbgħa il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Sqaq Lourdes, f’San Ġiljan.

Il-Pulizija irrikorriet minnufih fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li waqt li żewġ tfajliet – Maltija ta’ 25 sena residenti Marsaxlokk u Pollakka ta’ 33 sena kienu mixjin fl-imsemmija triq ġew avviċinati minn persuna mhux magħrufa li prova jisirqilhom il-hanbags.  F’mument minnhom il-ħalliel ta daqqa b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta lit-tfajla Maltija u ħarab minn fuq il-post b’handbag.

Peress li t-tfajla kellha xi dmijja u dehret li sofriet ġrieħi serji ntalbet l-assistenza ta’ xi persuni li kienu fil-viċinanzi li immedjatament sejjħu għall-assistenza medika u dik tal-Pulizija.  Ambulanza ħadet lit-tfajla feruta l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr N Camilleri LLD ġie infurmat bil-każ u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Bħal f’każijiet oħra, il-Pulizija qed titlob l-assistenza li kull min għandu kwalunkwe informazzjoni dwar dan il-każ imħeġġeġ jagħmel kuntatt, anka b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 119 jew 21 224 001.

More in Kronaka