Illum,għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa l-bajja magħrufa bħala Ta’ Maċċa, limiti tal-Mellieħa.Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li raġel ta’ 65 sena residenti Raħal Ġdid għal xi raġuni sab ruħu f’diffikulta` waqt li kien qiegħed jogħdos.
Ir-raġel ittella’ mill-baħar u ngħata l-assistenza minn xi persuni li kien hemm fil-qrib. Sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr A Micallef Trigona LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.