Fis-satra tal-lejl il-monument tas-Sette Giugno sab postu
Il-monument nazzjonali tas-Sette Giugno lura fi Pjazza San Ġorġ
More in Kronaka
Il-monument nazzjonali tas-Sette Giugno lura fi Pjazza San Ġorġ
Matul il-lejl li għadda saret ħidma intensiva biex hekk kif kien tħabbar mill-Gvern, il-monument tas-Sette Giugno jerġa’ jitqiegħed lura fi Pjazza San Ġorġ.
Wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena, ħareġ biċ-ċar li x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu kienet li l-monument imur lura f’postu, jiġifieri fi Pjazza San Ġorġ.
Wara li fil-ġimgħat li għaddew saru studji tekniċi biex jikkonfermaw li dan jista’ jsir, tħabbar li d-deċiżjoni tal-Gvern se tkun qed tirrispetta din ix-xewqa biex dan il-monument nazzjonali, li huwa wieħed dinjituż fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, jikseb lura l-glorja tiegħu.
Taħt is-sorveljanza tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, matul il-lejl li għadda, il-monument tneħħa minn Ġnien Hastings u ġie trasportat lejn Pjazza San Ġorġ f’ħidma delikata li damet għaddejja għal numru ta’ sigħat. Fil-ġranet li ġejjin, se jkunu qed isiru l-aħħar xogħlijiet fuq il-post.