Il-Malti jrid il-viża għat-Tajlandja imma 22 pajjiż Ewropew m’għandhomx bżonnha

 Il-Gvern Tajlandiż raħħas il-viża, imma l-Maltin fost il-ftit li jeħtieġu viża biex jidħlu t-Tajlandja

Wara li s-sit illum.com.mt żvela kif il-Gvern Tajlandiż raħħas l-ispejjeż relatati mal-viża b’ €30, liema roħs ingħata lil 19-il nazzjonalità oħra, kienu bosta li għamlu kuntatt ma’ din il-gazzetta u sostnew li huwa fatt stramb li għal xi raġuni Malta u l-Maltin għandhom bżonn viża biex jidħlu t-Tajlandja.

Meta 22 pajjiż mill-Unjoni Ewropea m’għandhomx bżonn viża filwaqt li nofs tużżana biss mill-UE huma obbligati li jkollhom, fosthom Malta tqajjimlek ftit ta’ kurżità.

L-uniċi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li huma fil-bżonn tal-viża meta jivjaġġaw lejn it-Tajlandja huma: Bulgarija, Litwanja, Latvja u r-Rumanija li ġejjin mill-blokk tal-Ewropa tal-Lvant, Ċipru li tinsab fil-Lvant u l-uniku pajjiż mill-Punent hu Malta.

L-ILLUM talab lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin spjegazzjoni għaliex Malta hi fost in-nofs tużżana li għandhom bżonn viża u mhux mat-22 pajjiż Ewropew li m’għandhomx bżonnha. Iżda r-risposta ma waslet qatt, sakemm morna għall-pubblikazzjoni.

Malta, barra li flimkien ma’ Ċipru huma l-uniċi pajjiżi Mediterranji li għandhom bżonn viża, jingħaqdu mal-Bhutan, iċ-Ċina, l-Etjopja, l-Indja, l-Użbekistan, il-Mauritius fost 19-il pajjiż li għandhom bżonn viża anke għal 15-il ġurnata.

More in Kronaka