Żewġ rapporti biss ta’ ġlied tal-annimali f’sena

L-SPCA imħassba li dan ma jfissirx li l-prattika waqfet għal kollox

Ħafna drabi ġlieda tal-klieb tispiċċa meta wieħed minnhom jitlef ħajtu
Ħafna drabi ġlieda tal-klieb tispiċċa meta wieħed minnhom jitlef ħajtu

F’dawn l-aħħar snin, ir-rapporti fuq il-media dwar ġlied tal-annimali naqsu ħafna meta mqabbel ma’ kemm kienu jissemmew daqs għaxar snin ilu. In-numru ta’ interventi mill-Pulizija wara li jsir xi rapport jidher ukoll li kienu minimi f’dawn l-aħħar snin.

Il-Ħadd li għadda, il-Pulizija arrestat tliet irġiel għall-involviment tagħhom f’attività ta’ ġlied tas-sriedaq li ġiet irrappurtata li qed issir fil-Ħandaq. Il-Ħadd stess, il-media rrappurtat li kien hemm madwar 20 persuna involuti, iżda arresti saru biss tlieta u sa jumejn wara, it-tliet irġiel akkużati ingħataw multa ta’ €2,000 kull wieħed.

L-ILLUM ġiet infurmata li f’perjodu ta’ sena, it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE), minbarra l-każ ta’ nhar il-Ħadd li għadda, irċiviet rapport ieħor biss ta’ ġlied tal-annimali, li ġie investigat iżda li ma ta ebda riżultat.

Għal dawk li jħobbu l-annimali u li jemmnu li l-ġlied tal-annimali hija prattika ferm krudili u barbarika, l-aħbar ta’ inqas rapporti taf tittieħed bħala sinjal pożittiv li din il-prattika qiegħda tonqos f’pajjiżna. Sfortunatament tista’ jfisser ukoll li dawk li jorganizzaw dawn il-ġlied, qed isibu modi biex jibqgħu aktar siġrieti u moħbija mill-għajn tal-Pulizija.

Kelliem għall-SPCA spjega lil din il-gazzetta li n-numru ta’ klieb misjuba mejta jew b’sinjali ċari li kienu nvoluti f’xi ġlieda naqas b’mod sostanzjali tul dawn l-aħħar snin, fejn l-SPCA stess ilu ma jkollha każi simili għal aktar minn ħames snin u ċentri oħra jkollhom wieħed rari kultant żmien. Minkejja dan, l-impjegat tal-SPCA esprima l-inkwiet tiegħu li dan ma jfissirx li l-prattika waqfet, iżda li l-organizzaturi “tgħallmu jeħilsu mill-klieb telliefa b’tali mod li ma jinstabux, kif ukoll sabu mezzi biex il-ġlied ma jkunux skoperti mill-Pulizija.”

It-taqsima għar-Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa tal-Pulizija, spjegat lill-ILLUM li meta jidħol rapport ta’ ġlied tal-annimali, issir investigazzjoni rigward il-post indikat sabiex il-Pulizija tkun taf fejn għandha tmur u biex tittieħed l-aħjar prassi sabiex tiġi ppreservata l-aħjar evidenza. Possibbilment, il-Pulizija tasal fil-mument opportun meta effettivament ikunu qed isiru tali ġlidiet. F’dawn il-każijiet, il-Pulizija tal-ALE tikkordina spezzjonijiet konġunti mal-Pulizja tad-Distrett ikkonċernat.

Meta mistoqsijin dwar l-għidut li għadhom isiru ġlied, speċjalment tal-klieb, f’postijiet fil-Marsa, Pembroke u l-Ħandaq u li iżda l-organizzaturi qed isibu modi biex ma jinqabdux, ir-rappreżentanti tal-korp li tkellmu mal-ILLUM saħqu li l-Pulizija tiddependi ħafna fuq informazzjoni li tirċievi mingħand il-pubbliku, u li min għandu kull tip ta’ informazzjoni għandu jgħaddiha għall-attenzjoni tal-Ispettur inkarigat mis-Sezzjoni tal-ALE.

Meta l-Pulizija jkollha tali informazzjoni, tkun jista’ tagħmel l-investigazzjonijiet flimkien ma’ entitajiet oħra sabiex tinġabar l-aħjar evidenza u provi fil-Qorti, bit-tama li din il-prattika tant krudili titwaqqaf u dawk ħatja jieħdu l-piena xierqa.

More in Kronaka