Raġel anzjan ta' 86 sena minn Ħal Qormi ġie miżmum minn ħalliel mgħammad u armat waqt serqa fir-residenza tiegħu, li matulha nsterqu ammont ta' flus kontanti.
Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-1:30 ta' filgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ġo residenza li tinsab fi Triq il-Blata, Ħal Qormi.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħal Qormi marru fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġ persuni daħlu ġor-residenza, waqt li ġewwa kien hemm anzjan ta’ 86 sena.
Il-vittma allega li l-persuni kienu mgħammda u wieħed minnhom kellu wkoll arma tan-nar f’idu. Dan tal-aħħar beda jżomm lill-anzjan sabiex ma jiċċaqlaqx, filwaqt li l-persuna l-oħra bdiet tqalleb fid-dar. Iż-żewġ persuni ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti.
L-anzjan ma sofra l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.