Bla kuntratt u bla drittijiet... l-isportivi jizvelaw 'preċedent ikrah'

Preċedent ikraħ twieled, kiber u qiegħed jirrenja fid-dinja tal-isport Maltija, b’mod speċjali fil-futbol”

Il-footballers...bla drittijiet?
Il-footballers...bla drittijiet?

Precedent ikraħ twieled, kiber u qiegħed jirrenja fid-dinja tal-isport Maltija, b’mod speċjali fil-futbol”, dan skond persuni li huma midħla tas-settur lokali u li tkellmu ma’ din il-gazzetta waqt li kienet qed tinvestiga s-suġġett tagħha fuq id-drittijiet tal-plejers Maltin f’din id-dinja tant segwita u maħbuba minn bosta.

Din il-gazzetta ltaqgħat ma’ diversi nies fl-għeruq tal-isport Malti, fosthom Carlo Mamo, segretarju ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Plejers Maltin (MFPA), għaqda li twaqfet lura fl-2011, propju bl-għan li tgħati vuċi lil plejers.

“Imagina int spiċċalek il-kuntratt tax-xogħol,” jibda jispjega Mamo, “u tixtieq taħdem ma’ xi kumpanija oħra, forsi biex tipprova ambjent ġdid. Jirnexxilek issib kumpanija oħra li tixtieq tutilizza servizzi tiegħek. Iżda minkejja li inti bħalissa tinsab bla kuntratt, u bla rabta legali mal-kumpanija preċedenti, biex inti tkun tista tinqgħad mal-kumpanija ġdida, l-kumpanija prospettiva trid tħallas somma kbira bħala ‘ kumpens’ lil kumpanija preċedenti”, sostna Mamo.

Mal-ILLUM Mamo saħaq kif din “is-sitwazzjoni qed tkun diffikultuża u perikoluża għat-talent prospettiv Malti.” Lilhinn mid-dinja tal-isport, fid-dinja ordinarja tax-xogħol, din ċertament ma ssirx aċċettabbli, pero kif spjegalna Mamo, f’Malta din is-sistema ta’ ħlas hi norma għal diversi sports.

“Plejer li jkun spiċċalu l-kuntratt mat-tim tiegħu ma jistax jaqbad u jinaqgħad ma klabb ieħor,” spejgalna Mamo. L-ewwel jeħtieġ li l-klabbs interessati fil-plejer iħallsu somma ta’flus għalih alavolja dan ma jkunx għad fadallu kuntratt ma l-istess klabb. Din is-somma tiġi kalkulata fuq mekkaniżmi apposta,” spjegalna Mamo. Il-parametri jiġu kkalkulati fuq diversi fatturi fosthom kemm player ikun lagħab mal-club, fl-liema diviżjonijiet jkun lagħab, kif ukoll kemm kien ġie mgħajjat sabiex jilgħab mat-tim nazzjonali Malti.

Finalment il-parametri japplikaw biss għal-players Maltin. Meta klabb Malti jakkwista player min barra l-pajjiz li spiċċalu l-kuntratt kull ma jrid jagħmel hu li bejniethom jiftiehmu pakkett ta’ salarju.

Mamo, li fil-passat lagħab għal-numru ta’ snin ma l-aqwa klabbs, fl-ogħla diviżjonijiet f’pajjizna elenka l-fatt li “Fid-dinja kulħadd jista jmur il-Qorti, dan anke jekk wieħed ikollu sempliċiment argument mal-ġar tiegħu, dawn jiftħu proċeduri legali fil-Qorti sabiex dan jiġi solvut, pero jekk jagħti l-każ li plejer irrid jiddefendi ruħu fil-Qorti fuq xi każ relatat mal-futbol, dan mhux daqshekk faċli.” Dan għaliex il-plejers Maltin ma jistgħux jiftħu proċeduri legali kontra l-klabbs tagħhom, dan sakemm ma jingħatawx il-barka mil-kunsill tal-MFA.

Din ‘il-barka’, hi importantissima, dan għaliex jekk plejer, jiftaħ proċeduri legali kontra l-klabb tiegħu mingħajr l-approvazzjoni tal-kunsill tal-MFA, il-plejer ikkonċernat jiġi sospiż minn kull tip ta’ attivita tal-futbol sakemm jinqata’ l-każ mil-Qorti. Mamo spjegalna kemm din hi “verament sitwazzjoni ikkumplikata” hekk kif l-istess kunsill li għandu deċiżjoni importanti li jagħti l-approvazzjoni lil plejers biex imexxu proċeduri legali tagħhom, huwa magħmul minn rapreżentanti tal-istess klabbs. “Ma nafu bl-ebda plejer li qatt ingħata permess, meta kien hemm xi plejer talab għal permess, il-kunsill dejjem irrufjutaw.”

 Is-Sistema tal-parametri qatt ma ġiet ikkontestata minħabba il-prezz kbir li plejer irrid iħallas. Jekk xi darba tiġi ikkonestata minn xi plejer li jkun qed jaffaċja problemi simili, żgur li jkollu każ b’saħtu quddiem il-Qrati, għaliex fl-aħħar mill-aħħar haddiem qed jigi mcahhad milli jahdem, u fil-passat plejers bħal Jean Marc Bosman, rebħu każijiet simili quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja”, saħaq Mamo. (Ara kaxxa)

“Kull sena jiġu bosta plejers b’din il-problema, bħalissa għandna żewg plejers li qegħdin nieħdu ħsieb il-każ tagħhom. Min jaf kemm ġew iktar li qatgħu qalbhom jew inkella ħallsu għad-domanda tal-klabbs ”, sostna Mamo Mistoqsi fuq kif ħadd qatt ma għamel xejn dwar dan, Mamo qalilna  “nahseb li tirregolazzia ma tantx takkwista voti, dan flimkien mal fatt li kulħadd jaqta’ qalbu biex immur il-Qorti minhabba li kaz idum snin l-unika soluzzjoni li jibqgħalu plejer sabiex jkun jista jimxi għal klabb ieħor hi, li jagħmel 30 xahar ma jilgħabx, u b’hekk plejer jiġi ‘free release’. Pero kif spjegalna kowċ ta’ tim lokali tal-futbol f’pajjiżna “ realistikament dan ikun qtil u qerda tal-karriera qasira ta’ plejer tal-football”.

Intant l-istess sorsi li tkellmu ma din il-gazzetta fuq is-sitwazzjoni preżenti, spjegalwna ukoll għalfejn din is-sistema hi fl-istess ħin “importanti għal-operat tal-klabbs” u għalfejn “evidentalment hemm ċertu riluttanza għal-bidla.” “Bosta clubs tal-isport f’pajjiżna jaħdmu b’din is-sistema ta’ trasferrimenti, din teżisti wkoll fil-waterpolo.

Dan hi sistema komuni għaliex , il-klabbs f’pajjiżna ftit li xejn għandhom introjtu finanzjarju sakemm ma jkunx għal dawn it-transferrimetni.” “Jekk nieħdu l-każ tal-futbol f’pajjiżna, sakemm ma tkunx wieħed mil-klabbs li jirnexxilek tavvanza fil-kompetizzjonijiet Ewropej, jiġifieri, Champions League u Europa League ftit li xejn se jkollok mezzi differenti ta’ finazjarjament.” “Għalhekk, sakemm ma jkollokx xi benifattur jew tnejn li jagħmlu tajjeb, dawn it-transferrimenti huma vitali għal-interess finanzjarju tal-klabbs” sostna sors li twieled u għex fil-futbol lokali”

Tul il-legiżlattura li għaddiet, il-gvern għadda ligi sabiex il-klabbs Maltin setgħu jibdew iwettqu attività kummerċjali fil-faċiltajiet sportivi tagħhom. Diversi nies fid-dinja tal-isport li tkellmu mal-ILLUM, sostnew li din kienet miżura min naħa tal-gvern sabiex joffri alternattiva ta’ introjtu għal klabbs Maltin u b’hekk tonqos id-dipendenza fuq it-transferrimenti għad-dħul finazjarju. Dan filwaqt li saret emenda li tillimita, l-massimu ta’ kemm klabb jista jhallas għal plejer b’prezz massimu għal €30,000. L-istess sorsi li tkellmu magħna, staqrru li “din l-iskema, allavolja strateġija tajba, mhiex soluzzjoni ta’ malajr”.

Persuna oħra li tkellmet ma’ din il-gazzetta ġabret perfettament din il-problema fi kliem, “llum il-ġurnata, l-futbol mhuwiex biss delizzju, iżda sors ta’dħul finanzarju tajjeb għal bosta plejers Maltin, nemmen li l-gvern u l-awtoritajiet konċernati għandhom id-dover li mil-iktar fiss possibli jibdew jitħadtu fuq din il-materja”

Jean Marc Bosman hu ex-plejer Belġjan li rikors ġudizzjarju tiegħu bidel l-modus operandi tat-transferimenti kollha tal-isport li jsiru fl-Ewropa. Bosman kien jilgħab għal-numru ta’ snin fl-għola divizjoni tal-Belgjum mal-klabb RFC Liege. Meta l-kuntratt tiegħu skada fis-sena 1990, Bosman kellhu xewqa li jinaqgħad ma’ klabb ieħor sabiex dan jkompli jilgħab u jagħmel għixien mil-futbol.

Il-klabb Franċiż ta’ Dunkerque ma damux wisq sakemm irreġistraw l-interess tagħhom fiħ u għalekk iz-żewġ partijiet bdew diskussjionijiet bl-għan li jakkwistaw is-servizzi ta’ Bosman, pero dan it-transferriment kien se jgħaddi minn problem monjumentali. Dan minħabba li l-klabb preċedenti tal-istess plejer, talab somma stratosferika ta’flus għal- Bosman, għalhekk il-klabb Franċiż malajr tilef l’interess li jakkwista lil Bosman. Sadanittant, Bosman ma kienx baqa’ jitħallas minħabba l-fatt li hu ma kienx għad fadallu post titulari fl-skwadra ta’ RFC Liege.

Għalhekk Bosman f’daqqa waħda sab ruħu mingħar ebda sors ta’dħul finanzjarju u limitazzjoni ta’possibilita; li jsib xi klabb li lest iħallas dik is-somma ta’flus biex jakkwista servizzi tiegħu. Dan kollu wassal biex il-plejer Belġjan fetaħ proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa. Quddiem l-istess Qorti Bosman, akkuża lill-RFC Liege li kienu qegħdin jillimtawlu l-possibilta’ ta’ xogħol.

Fil-15 ta’ Diċembru 1995, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea qatatgħa favur il-plejer Jean Marc Bosman, b’riżultat li Bosman seta’ jinaqgħad ma klabb ieħor mingħajr ebda ħlas.

 

U l-MFA xi tgħid?

F’dawl ta’ dan kollhu, din il-gazzetta intervistat lis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association, Angelo Chetcuti. Mal-ILLUM, Chetcuti sostna li “xogħlna hu li l-ewwel nett inħarsu l-istabbilità kuntrattwali li tippermetti kemm lill-klabbs u kemm lill-plejers ikunu jafu fejn qegħdin.”

L-MFA għandha xi pjan li tbiddel il-mod ta’ kif isiru t-trasferimenti?

L-MFA – jiġifieri l-istakeholders kollha tal-futbol kif rappreżentati fi ħdanha – taġġusta r-regolamenti tagħha dwar kull aspett tal-logħba b’mod regolari. Biex isostni dan il-proċess hemm forum ta’ ‘djalogu soċjali’ li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-klabbs u tal-plejers biex kemm jista’ jkun jinstab bilanċ bejn l-interessi tat-tnejn. Ta’ min jgħid li ilna biss ftit aktar minn sentejn li għamilna riforma sħiħa fir-regolamenti dwar l-istatus tal-plejers.

F’kummenti ma din il-gazzetta, nies mitħna tal-futbol u tal-MFA qalu li s-sistema preżenti hi waħda li ma timxix mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dan minħabba d-dritt għax-xogħol u dritt għal-rapreżentazzjoni ġusta fil-qrati. L-MFA ma tħossx ċertu responsabilta' għal din is-sitwazzjoni?

Bħal dejjem jibqa’ x’tirranġa, imma f’dawn l-aħħar ftit snin saru tibdiliet kbar li l-parti l-kbira tagħhom saru biex itejbu s-sitwazzjoni tal-plejers fil-konfront tal-klabbs li jkunu rreġistrati magħhom. Dawn huma kollha aspetti li jiġu diskussi fil-forum ta’ djalogu soċjali. Huwa prinċipju stabbilit fl-isport li kemm jista’ jkun it-tilwim u d-dixxiplina jiġu trattati fi ħdan l-entitajiet sportivi stess. Illum kif evolvew l-affarijiet mhux dejjem ikun ċar jekk issue tmurx lilhinn mill-ambitu sportiv. Naħseb li jkun eċċessiv li ngħidu li hemm xi nuqqas ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali – hemm bosta modi kif wieħed jitlob rimedju fl-istrutturi tal-futbol.

Għalfejn, tim Malti irrid iħallas għal-player free agent Malti però, dan ma japplikax fil-konfront ta’ players free agent barranin?

Mhux korrett. Jiddependi minn numru ta’ fatturi: ngħidu aħna jekk il-plejer għandux status ta’ ‘amateur’ jew ‘professional’, u fuq kollox f’każ ta’ plejer professjonali x’jgħid il-kuntratt tiegħu mal-klabb.

Lil min qed tivantaġġja din is-sistema tat-trasferimenti preżenti, lil clubs jew lil players Maltin?

Is-sistema mhix qiegħda hemm biex tivvantaġġja jew ixxekkel lil xi parti jew oħra. Naħseb li xogħlna hu li l-ewwel nett inħarsu l-istabbilità kuntrattwali li tippermetti kemm lill-klabbs u kemm lill-plejers ikunu jafu fejn qegħdin. Il-klabbs huma mistennija jonoraw l-obbligi tagħhom lejn il-plejers, u dan jgħodd ukoll għall-plejers viċi versa.

 

More in Kronaka