Is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop jispjega kif ċertu faxex tas-soċjetà huma aktar vulnerabli minn oħrajn..
Bħal-lum ġimgħa L-ILLUM, stħarrġet is-sitwazzjoni inkwetanti f’Tas-Sliema ta’ ‘racket’ sħiħ ta’ serq mill-bwiet, handbags jew kartieri.
Sorsi fil-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM, żvelaw kif il-Pulizija fl-għassa ta’ Tas-Sliema qed jirċievu medja pjuttost xokkanti ta’ 10 rapporti kuljum ta’ nies li jinsterqulhom oġġetti jew flus minn ‘pickpockets’. Dan ifisser li din il-lokalità qed tesperjenza mat-300 serqa ta’ dan it-tip kull xahar jew mat-3,600 serqa fis-sena.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-ILLUM, tkellmet mas-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop, li stqarr kif “din hi problema li l-Kunsill ilu jiffaċċja.
Anthony Chircop sostna li l-Kunsill m’għandux poter ta’ infurzar fuq il-lokalità tiegħu madankollu hu spjegalna diversi miżuri li l-Kunsill flimkien mal-Korp tal-pulizija ħadu sabiex iservu bħala deterrent għall-kriminalità f’Tas-Sliema.
Chircop spjega, li avolja s-serq jista’ jaffettwa lil kulħadd hemm ċertu faxex tas- soċjetà li huma l-aktar vulnerabli għal dan bħalma huma l-anzjani.
“Riċentement, il-Kunsill bi ħsieb ma’ membri tal-Pulizija mit-taqsima tas-CID, organizza diversi sezzjonijiet indirizzati lill-anzjani. F’dawn il-laqgħat, il-Pulizija pprovdew diversi pariri lill-anzjani, dan biex jiżguraw is-sigurtà tagħhom.
L-introduzzjoni tat-taqsima tal-Pulizija tat-turiżmu, għenet ħafna, sabiex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija f’dawn iż-żoni sensittivi għall-kriminalità sostna s-sindku.
Huwa tkellem ukoll dwar kif il-kriminalità sikwit titfa’ fil-mira tagħha lill-istudenti li jiġu Malta sabiex jitgħallmu l-Ingliż. Għalhekk is-Sindku spjegalna kif diversi “skejjel tal-Ingliż ħadu miżuri biex jinfurmaw l-istudenti dwar l-perikli preżenti.”
“L-iskejjel bdew iqassmu ktejjeb mimli b’informazzjoni ħalli ż-żgħażagħ li jiġu f’pajjiżna sabiex jitgħallmu l-Ingliż ikunu mgħammra b’informazzjoni dwar xiex għandhom joqogħdu attenti.”
Anthony Chircop kompla jitkellem dwar id-diskussjonijiet riċenti li jiġu installati kameras f’ċertu żoni sensittivi però dawn ukoll għandhom il-limiti tagħhom hekk kif ma jistgħux jinvadu l-privatezza tar-residenti Slimiżi.
Apparti minn dan, is-Sindku spjega kif fil-perjodu tas-sajf, il-kunsill jiffaċċja numru sostanzjali ta’ każijiet ta’ serq minn fuq bajjiet. “Dan hu serq komuni fix-xhur tas-sajf.” Is-sindku tkellem dwar talba li l-Kunsill f’Tas-Sliema għamel lill-Gvern bil-għan li titrażżan il-kriminalità minn fuq il-bajjiet.
“Aħna tlabna lill-gvern biex il-latrini attwali jiġu żviluppati mill-ġdid, dan bl-għan li jitwaħħlu diversi kabinetti żgħar li jissakkru ħalli n-nies ikunu jistgħu jpoġġu l-affarijiet tagħhom hemmhekk.”
Is-Sindku kompla jispjega kif dawn il-latrini jistgħu wkoll jiġġeneraw dħul finanzjarju, billi l-operatur ibigħ prodotti bħal krema ta’ protezzjoni mir-raġġi tax-xemx.
“Il-gwardjani lokali, għandhom ikunu suġġetti għal riforma,” skont Chircop. Mal-ILLUM, is-Sindku sostna li diversi lokalitajiet madwar Malta jistgħu jieħdu vantaġġ minn riforma f’dan is-settur, hekk kif dawn barra milli jieħdu ħsieb il-parkeġġ illegali jkunu jistgħu jieħdu ħsieb it-traffiku tal-lokalità u jkunu preżenza ta’ sigurtà. Skontu, il-gwardjani għandu jkollom il-possibbiltà li fil-futur jinħatru bħala kuntistabbli tal-Pulizija.