Tmienja minn nies ġew arrestati f'konnessjoni mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia dalgħodu. Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f'konferenza tal-aħbarijiet, li ftit wara informa fi tweet li fil-fatt kien hemm tnejn oħrajn. Biex it-total issa tela' għal 10. L-għaxar persuni ġew arrestati fil-Marsa, Ħaż Żebbuġ u Buġibba f'operazzjoni mill-Forzi Armati u l-Pulizija.
F'konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja, hekk kif partijiet mill-Marsa fiż-żona tal-Menqa ġew issiġġillati, il-PM Joseph Muscat qal li hu jaf min huma l-persuni u jaf ukoll x'għamlu. 'Naf min huma u naf x'għamlu imma għalissa ma nistax nagħti aktar dettalji, ma ninsewx li fil-passat stqarrijiet minn Prim Ministru ntuzaw bħala difiża għall-akkużat.'
Muscat qal li wħud mit-tmien irġiel huma magħrufin mal-Pulizija, filwaqt li oħrajn għandhom rekords kriminali. Il-persuni kollha li ġew arrestati huma Maltin, żvela Muscat.
Daphne Caruana Galizia inqatlet b'karozza bomba x-xahar li għadda hekk kif kienet għadha kif telqet mid-dar tagħha fil-Bidnija. Il-bomba, skont l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kienet waħda mill-aktar qawwijin li qatt seħħew f'pajjiżna.
Muscat qal illi t-tfittxijiet seħħew f'Buġibba u Ħaż Żebbuġ, apparti l-Marsa u l-postijiet fejn inqabdu l-arrestati qegħdin taħt il-kontroll tal-Pulizija.
L-investigazzjoni qed titmexxa mill-Korp tal-Pulizija u qed jgħinu fiha l-FBI u l-Interpol fost l-oħrajn.
Issa għalhekk jibdew 48 siegħa illi matulhom il-Pulizija se jinterrogaw u jaraw hemmx bażi biżżejjed biex dawn jittellgħu l-Qorti. F'każ ta' prosekuzzjoni Muscat qal illi l-Pulizija jkunu qed jagħtu l-informazzjoni kollha.
'48 siegħa kruċjali...l-Oppożizzjoni se żżomm kawtela'
Il-Partit Nazzjonalista, qal fi stqarrija, li qed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u dak li għadu kif ħabbar il-Prim Ministru.
'Il-Partit Nazzjonalista isellem lil kull min qieghed jagħti sehem, fl-interess tal-ġustizzja, sabiex jinqabad minn wettaq l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizija, u b'mod partikolari lill-Pulizija, s-Servizzi tas-Sigurtà, il-Forzi Armati Maltin u l-investigaturi barranin, kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji mmexxija mill-Maġistrat inkwirenti Anthony Vella.
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li fl-aqwa interess nazzjonali l-Oppożizzjoni għandha teżerċita kawtela qabel tikkummenta, partikolarment f’dawn it-tmienja u erbgħin siegħa li huma kruċjali għall-investigazzjoni.'
Is-Civil Society Network 'ħa nota, imma diżappuntat...'
Intant in-Netwerk tas-Socjeta' Civili fi stqarrija qal li ħa nota tal-aħħar aħbarijiet fil-każ ta' DCG. 'In-Netwerk hu madankollu diżappuntat li l-familja Caruana Galizia ma ġietx infurmata kif xieraq (ara tweet ta' M.Caruana Galizia iktar 'l fuq) u sorpriż li l-Kummissarju tal-Pulizija li qed imexxi l-investigazzjoni ma tax kummenti.'