Illum bdiet il-ħidma sabiex jitneħħa l-vapur Hephaestus li jinsab inkaljat fil-Qawra. Il-ġimgħa li għaddiet ġie approvat ir-wreck-removal-plan flimkien mal-permess ambjentali.
Il-kumpanija tal-assikurazzjoni P&I, f’isem is-sidien tal-vapur ħarġet sejħa għall-kuntratturi li jridu jwettqu din l-operazzjoni. Kumpanija lokali, Cassar Ship Repair, ingħatat il-kuntratt u minnufih bdew il-preparamenti biex tibda l-ħidma.
L-ewwel fażi tinkludi evalwazzjoni tar-riskji tal-operazzjoni. Imbagħad il-kuntrattur ser ikun qed ineħħi l-perikli li hemm preżenti fil-bastiment bl-għan li l-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu fih. Il-ħaddiema se jkunu qed inaddfu l-kompartimenti kollha u jsewwu t-tiċrit fil-qoxra tal-vapur. Fl-aħħar nett, il-vapur se jkun qed jintrefa' minn fuq il-blat u jitniżżel lura fil-baħar imbagħad irmunkat għat-tarzna tal-kuntrattur fil-Marsa.
L-operazzjoni sħiħa mistennija tieħu madwar 35 ġurnata, Transport Malta u l-ERA se jkunu qegħdin isegwu l-operazzjoni kollha mill-qrib.
It-tanker, ta’ 60 metru rreġistrat it-Togo, kien inkalja fil-Qawra wara maltempata kbira lura fl-10 ta’ Frar. Transport Malta qed tappella lill-pubbliku biex ma jidħolx fiż-żona ristretta.