Ħamest irġiel arrestati b'rabta mat-traffikar tad-droga matul il-Ħadd
Wieħed minnhom ittella' l-Qorti, ammetta u ngħata sentenza ta' 18-il xahar ħabs
More in Kronaka
Wieħed minnhom ittella' l-Qorti, ammetta u ngħata sentenza ta' 18-il xahar ħabs
Ħamest irġiel ġew arrestati ilbieraħ hekk kif l-iskadwra tal-Pulizija Kontra d-Droga kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta mat-traffikar tad-droga.
L-ewwel persuna, raġel ta’ 43 sena, ġie arrestat f’Ħal Tarxien wara li l-Pulizija qabditu jgħaddi, b’mod suspettuż, sustanzi lil persuni oħra.
Il-Pulizija arrestat lir-raġel u wara li saret tfittxija fil-vettura u anke fuqu stess, irriżulta li kien fil-pussess ta’ diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettata droga kokaina u eroina.
Ir-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu. Huwa ammetta l-akkużi u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs u multa ta’ €500.
Il-ħidma kompliet ukoll f’Bormla u dan wara li l-Pulizija waslitilha informazzjoni dwar movimenti suspettużi ta’ vettura li fiha kien hemm żewġ persuni. Il-vettura twaqqfet u ġew arrestati żewġt irġiel, wieħed ta’ 23 u ieħor ta’ 33 sena.
Minn tfittxija li saret huma nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati kannabis u kokaina.
Il-Pulizija kompliet ukoll issegwi vettura oħra, din id-darba fil-Kalkara. Fil-karozza kien hemm raġel ta’ 30 u ieħor ta’ 37 sena u t-tnejn li huma nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati kannabis u kokaina.
L-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn il-persuni għadha għaddejja.