Ilbieraħ, waqt l-iskrinjar tal-passiġġieri fl-Ajruport, uffiċjali tad-Dwana waqqfu koppja Spanjola li kienet għadha kemm waslet minn Seville u rriżulta li fuqhom kellhom 13.95 kilogramma ta’ kannabis.
Ftit wara li ħadu l-bagalji tagħhom, il-koppja ttieħdet ħdejn l-iscanner fejn l-uffiċjali tad-dwana nnutaw affarijiet suspettużi.
Fiż-żewġ bagalji nstabu 13 u sitt boroż tal-plastik rispettivament. Wara li saru xi testiijet, irriżulta li fihom kien hemm il-kannabis.
Il-passiġġieri ġew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga filwaqt li nfetħet inkjesta.
Iż-żewġ passiġġiera mistennija jitressqu l-Qorti llum.