Żewġ anzjani oħra pożittivi għall-Covid-19 jitilfu ħajjithom

Anzjan ta' 64 sena u ieħor ta' 74 sena, l-aħħar persuni li jmutu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19

Il-Ministeru għas-Saħħa jinsab ħabbar li żewġ anzjani oħra mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.

Fl-ewwel każ anzjan ta’ 64 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fl-20 ta’ Novembru, miet ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei.

Fit-tieni każ anzjan ta’ 74 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-25 ta’ Novembru, miet ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei.

Dawn iż-żewġ anzjani allura huma l-147 u l-148 persuni li mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19 minn meta faqqgħet il-pandemija f'Malta f'Marzu li għadda.  Il-maġġoranza ta' dawk li qed jitilfu ħajjithom huma anzjani, b'diversi clusters u imxija fi djar tal-anzjani. Fil-fatt infetaħ sptar apposta, l-Isptar Good Samaritan, li qed jilqa' fih anzjani minn djar madwar il-pajjiż.

Fl-aħħar aġġornament nhar il-Ġimgħa li għadda is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi sa dakinhar kien hemm 194 persuna li hija pożittiva u li qed tieħu kura fi sptar madwar il-pajjiż.  Hija qalet illi fl-ITU hemm 20 pazjent, ħamsa minnhom huma rikoverati, 10 fl-Infectuous Diseases Unit, 38 f'wards oħrajn madwar l-isptar, 22 fl-Isptar Boffa, 18 fl-Isptar St.Thomas, disa' każi fl-Isptar Karin Grech, 71 fl-Isptar Good Samaritan u sitt persuni fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex - inkluż persuna fl-ITU. 

 

More in Kronaka