Is-suspettat fil-qtil ta' raġel ta' 62 sena minn Santa Luċija f'Marzu li għadda tressaq quddiem il-Qorti llum wara li ġie estradit lejn Malta.
Ir-raġel, Libjan ta' 38 sena, inġieb lura pajjiżna minn Casablanca fil-Marokk.
Il-ġisem ta' Victor McKeon kien instab fid-dar fejn seħħ l-omiċidju f'Misraħ Dorell Santa Luċija u kien fi stadju avvanzat ta' dekompożizzjoni. Il-katavru kien mdawwar bil-boroż taż-żibel u tħalla fil-kamra tal-banju.
L-awtopsja weriet li r-raġel ingħata daqqa f'rasu u li l-aggressur fgah. L-investigazzjoni tal-pulizija wasslet għall-arrest tas-suspettat ewlieni li kien ħarab lejn il-Marokk, fejn kien arrestat sitt ijiem wara.
L-avukati George Camilleri u Karl Muscat flimkien mal-Ispetturi Keith Arnaud u Wayne Camilleri, mexxew il-Prosekussjoni filwaqt li Leontine Calleja hija l-avukat tal-għajnuna legali tal-akkużat.