Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana illejla fil-Parlament ħabbar li llejla stess il-pulizija għamlu qabda kbira ħafna ta' droga mid-dwana bil-valur tad-droga jidher li tlaħħaq miljuni kbar.
"Qbadna f'ġurnata daqs kemm naqbdu f'sena," qal il-Ministru Caruana, responsabbli mid-Dwana, fil-Parlament.
Irriżulta aktar tard minn stqarrija tad-Dipartiment tad-Dwana li din fil-fatt kienet l-akbar qabda ta' droga fl-istorja ta' Malta hekk kif inqabdu 612-il Kilo ta' droga kokaina li kienet moħbija f'kaxxi li telqu mill-Ekwador, għaddew mill-Kolombja u kienu fi triqithom lejn il-Libja.
B'kollox kienu elevati 510 pakketti ta' kokaina li jiżnu 1.2 Kg kull wieħed b'valur ta' €69 miljun.