Żagħżugħ ta’ 18-il sena, mill-Eritrea, qed jinżamm arrestat wara li nqabad fil-fatt jisraq minn residenza fit-Telgħa tal-Ġiżwiti, il-Marsa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2:30pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata mir-residenti tal-istess dar li xi ħadd daħlilhom biex jisraq.
Il-Pulizija marru u sabu liż-żagħżugħ fil-bitħa. Huwa qabad martell u beda jhedded lill-Pulizija bih.
Meta injora l-ordni tal-Pulizija biex ineħħi l-martell u saħansitra resaq lejhom, il-Pulizija kienet kostretta tuża t-taser biex tikkontrollah.
Fuqu nstabet ukoll sustanza li x’aktarx hija kannabis.
L-istess żagħżugħ prova jweġġa’ lilu nnifsu meta kien fiċ-ċella u twaqqaf b’intervent f’waqtu mill-Pulizija.
Huwa ttieħed Mater Dei għall-kura.