Captain Morgan ħabbar li se ssospenda kull xogħol fil-balluta, li kien qiegħed isir bil-għan li jkun hemm moll għal katamaran ta' 33 metru.
Fi stqarrija, il-Kumpanija tgħid li ddeċidiet li tieħu d-deċiżjoni responsabbli li ma komplix bil-bini tal-moll fiż-żona tal-balluta. "Bħala kumpanija, ħassejna li kellna nirrispettaw l-ilmenti, lil hinn minn fejn kienu ġejjin. Kien ovvju li kien hemm numru ta' nies li kienu kontra dan il-proġett u allura ddeċidejna li nwaqqfu l-pjanijiet oriġinali," saħaq kelliem tal-Captain Morgan.
Sadantittant, Captain Morgan tisħaq li qiegħda tfittex sit alternattiv bi studju u b'konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u l-Għaqdiet mhux Governattivi (NGOs) kkonċernati.
Intant Moviment Graffitti saqħu li din id-dikjarazzjoni ġiet wara sentejn ta’ reżistenza qawwija mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, l-għaqdiet ambjentali u r-residenti, li ġġieldu kontra dawn il-pjanijiet permezz ta’ oġġezzjonijiet, protesti, azzjonijiet legali u azzjonijiet diretti.
"Filwaqt li nirringrazzjaw lil kulħadd tal-appoġġ u tal-parteċipazzjoni, ser nibqgħu viġilanti sabiex naraw li l-permess maħruġ u l-applikazzjoni eżistenti jitwaqqgħu u ma jerġgħux ifeġġu f’xi forma oħra. Il-pressjoni taħdem. Il-ġlieda favur l-ispazji pubbliċi tkompli," qalu Graffitti.