Abner Aquilina, is-suspettat bil-qtil ta' Paulina Dembska fit-2 ta' Jannar li għadda, mistenni jitressaq il-Qorti llum tard waranofsinhar.
Diversi rapporti, inkluż fil-MaltaToday, irrapportaw li Aquilina qed jerġa' jkun interrogat mill-Pulizija hekk kif ma għadux rikoverat fl-isptar Monte Carmeli.
Dembska nstabet mejta fi Ġnien l-Indipendenza għall-ħabta tas-6:30am fit-tieni jum tas-sena l-ġdida. L-awtopsja kkonfermet li hi ġiet stuparata u maqtula.
Hu mifhum li l-investigaturi qed jimxu mal-ipoteżi li ma kien hemm l-ebda rabta bejn Dembska u Aquilina.
Skont diversi rapporti, Aquilina ammetta mal-Pulizija li kien hu li qatel lill-istudenti Pollakka u anke ma' grupp ta' persuni li kienu fil-knisja parrokjali tal-Balluta, fejn Aquilina daħal ftit ħin biss wara li allegatament wettaq id-delitt.
L-interrogazzjoni kienet ġiet sospiża meta Aquilina ddaħħal fl-isptar Monte Carmeli meta beda jinsisti li kien ix-xitan li qallu biex joqtol lil Dembska.
Wara li ngħata kura, Aquilina nħareġ ilbieraħ mill-isptar Monte Carmeli u reġa' ttieħed id-Depot għall-interrogazzjoni.