Erba' persuni ddaħħlu Mater Dei wara ġlieda bejn għadd ta' rġiel fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ dalgħodu fejn issejħu l-Pulizija tad-distrett u anke l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Skont il-Pulizija, waqt l-argument intużat xabla u oġġett tal-ħġieġ.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u numru ta’ ambulanzi li ħadu Libjan ta’ 36 sena, Iranjan ta’ 24 sena, Ingliż ta’ 28 sena u raġel ieħor, li l-identità tiegħu għadha mhiex magħrufa, l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
Ħames barranin oħra qegħdin jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.