Żewġ adoloxxenti ta' 14-il sena qed isofru minn ġrieħi wara li ttajru minn vettura lbieraħ fl-Imqabba.
Il-każ seħħ waranofsinhar fi Triq il-Konvoj ta' Santa Marija.
Jidher li t-tifel u t-tifla, it-tnejn ta' 14-il sena, intlaqtu minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 71 sena residenti l-Qrendi.
Il-vittmi ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Aktar tard, it-tifel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li t-tifla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.