Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qalet li mill-ftuħ tal-istaġun fl-20 ta' Ottubru, it-timijiet tagħha iddokumentaw u irrapportaw lill-awtoritajiet numru ta' każi ta' nsib ta' għasafar illegali. Fil-fatt CABS qalet li inqabdu 45 xibka mill-kbar u ġew ikkonfiskati 368 għasfur ħaj. Fil-fatt dawn il-kaċċaturi qed jiġu akkużati li għamel użu minn nasses fuq siti mhux reġistrati u użu ta' bird callers elettroniċi illegali, fost oħrajn. Fost l-għasafar ikkonfiskati kien hemm sponsuni u merilli li wara li ġew eżaminati minn vetirenarju ġew rilaxxati.
CABS qalet li l-proġett tal-Gvern jiġifieri dik tar-riċerka waqt l-istaġun tal-kaċċa, "mhi xejn ħlif gidba kbira maħluqa biex tgħin lill-kaċċaturi illegali biex jimlew il-guvi b'għexieren ta' għasafar protetti."
Intant l-NGO faħħret lill-Pulizija tar-rispons immedjat filwaqt li appellat lill-Gvern biex "iwaqqaf immedjatament il-proġett tar-riċerka, li tant jiġi kritikat. Mill-informazzjoni li għandna aħna jidher biċ-ċar li l-maġġoranza ta' dawn il-kaċċaturi, li jiksru l-liġi, ma jinteressahomx mix-xjenza u sempliċement qed jabbużaw mis-sistema biex jieħdu għasafar kemm jifilħu."
Il-Kumitat qal li t-tim tiegħu se jkompli jagħmel monitoraġġ fuq siti ta' kaċċa u nsib madwar Malta u Għawdex sal-aħħar ta' Jannar.