Raġel ta' 35 sena ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta wara li nqabad, permezz ta' kelb tal-pulizija, b'madwar kilo droga suspettata kokaina moħbija fl-istonku.
Ftit wara l-10:30.p.m. tas-Sibt li għadda, waqt li l-Pulizija kienet qed twettaq spezzjonijiet ta' passiġġieri li ġew minn titjira diretta minn Brussell, il-Belġju, innutaw movimenti suspettużi tar-raġel. Kien għalhekk li waqqfuh u saret tfittxija fuqu iżda dak il-ħin kollox irriżulta fin-negattiv. Madankollu, minħabba li r-raġel baqa' jidher aġitat u ma tantx beda jikkopera intalbet aktar assistenza u kelb tal-Pulizija beda jindika li r-raġel seta' kien qiegħed iġorr xi ħaġa suspettuża fl-istonku.
Għaldaqstant, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei, saru testijiet b'x-ray u rriżulta li kellu ftit iktar minn 100 kapsula ta' droga suspettata kokaina li tammonta għal madwar kilo u b'valur fi triq ta' kważi €130,000.
Huwa qed jinżamm l-istpar taħt osservazzjoni u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.