Terremot fit-Turkija | Sa issa ġiet irreġistrata kważi 5,000 fatalità... Mistennija 20,000
Esperti saħqu li qed jistennew li jseħħu aftershocks wara t-terremoti ta' lbieraħ
More in Kronaka
Esperti saħqu li qed jistennew li jseħħu aftershocks wara t-terremoti ta' lbieraħ
Dalgħodu stess ġie ikkonfermat li kien hemm kważi 5,000 persuna li mietet traġikament kawża tat-terremoti b'qawwa kbira fit-Turkija u s-Sirja. Eluf oħra huma feruti filwaqt li l-ammont ta' persuni maqbuda qalb it-tifrik, għadu mhux magħruf.
B'kollox l-Awtorità tal-Immaniġġjar tad-Diżastri Naturali u l-Emerġenza ikkonfermat li fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, fit-Turkija biss, mietet 3,381 persuna. Dan filwaqt li l-aktar riċenti figuri juru li 1,444 persuna tilfet ħajjitha fis-Sirja. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) avżat li dawn il-fatalitajiet jistgħu jitilgħu għal 20,000. Fil-fatt qiegħed jiġi irraportat ukoll li għad hemm mijiet ta' familji maqbuda qalb il-bini meqrud, fis-Sirja.
Min-naħa l-oħra sa issa ġew salvati aktar minn 7,800 persuna minn madwar 10 pronviċji. Fis-6:00a.m. madwar 13,000 ħaddiem tas-salvataġġ, li l-maġġoranza tagħhom huma volontiera, telqu minn Istanbul biex jgħinu fiż-żoni l-aktar milquta. Il-President Amerikan Joe Biden, li kien f'kuntatt mal-President Tork Recep tayyip Erdoğan, qal li membri tas-salvataġġ Amerikani se jmorru t-Turkija biex jagħtu l-għajnuna tagħhom u jassistu dawk li ġew feruti.
Intant dalgħodu, il-kontinġent tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Malti u kelb ingħaqad ma' ħaddiema oħra Ewropej biex huwa wkoll jagħti sehmu. Il-pumpiera, li qabadu t-triq għat-Turkija ilbieraħ stess, se jkunu qed jassistu fl-operazzjonijiet li għaddejjin bħalissa magħrufa bħala MUSAR (Medium Urban Search and Rescue) u Husar (Heavy Urban Search and Rescue).
Din l-għajnuna se tingħata hekk kif kull meta jseħħ xi diżastru naturali f'xi pajjiż ieħor, li jimpatta direttament lin-nies ta’ dak il-pajjiż, il-Protezzjoni Ċivili dejjem tara kif tista’ tassisti f’għajnuna umanitarja, permezz tal-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea tal-Protezzjoni Ċivili.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ se jkun qiegħed jassisti permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Żvilupp sabiex ikopri għajnuna umanitarja.
Komunikat diplomatiku għadu għaddej bejn iż-żewġ pajjiżi, biex Malta tkun tista’ tassisti aktar f’dawn il-mumenti diffiċli.
Ftit tal-mumenti ilu ġie rraportat li nħass terremot ieħor b'qawwa ta' 5.7 fuq l-Iskala Richter fl-Ilvant tat-Turkija. Esperti qalu li qed jistennew numru ta' aftershocks wara ż-żewġ terremoti kbar ta' lbieraħ.