Ilbieraħ għall-ħabta tad-9 p.m. il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet splużjoni ġewwa każin fi Triq il-Kbira, Ħal Balzan.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta' 42 sena residenti Ħal Balzan stess, weġġa' wara li kien ħa xi splussiv pirotekniku.
Fuq il-post issejħu tim mediku, membri tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Explosive Ordnance Disposal (EOD) biex jiġi żgurat li jitneħħa kull periklu li seta' kie hemm u tingħata l-assistenza medika lir-raġel. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li weġġa' serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.