Riħ mill-Majjistral se jġib mistrieħ mill-mewġa ta' sħana tal-aħħar 10 ijiem

Titneħħa t-twissija tat-temp ħamra li kienet ilha fis-seħħ mit-18 ta' Lulju

L-Uffiċċju Meteoroloġiku niżżel twissija tat-temp ħamra għal waħda safra, wara li din kienet ilha fis-seħħ mit-18 ta’ Lulju. Dan għalhiex it-temperatura se tkun qiegħda titbaxxa fil-jiem li ġejjin, skont tbassir mill-istess uffiċċju.

Twissija ħamra toħroġ meta t-tbassir juri li t-temperatura se tkun qed tilħaq jew taqbeż l-40°C, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jieħu prekawzjoni.

Tul dawn l-aħħar 10 ijiem, it-temperatura massima telgħet sa 42.7°C, fl-24 ta’ Lulju.

Dan huwa numru li diġa kien rrekordjat f’Lulju 1988, waqt mewġa ta’ sħana li damet erbat ijiem. Jiġifieri ma nħoloq l-ebda rekord ġdid, allavorja kienet temperatura li qabżet in-norma bi 11°C.

Matul il-mewġa, sitt ijiem kellhom temperatura tal-arja li qabżet l-40°C. Kaġun ta’ dan kienu kundizzjonijiet atmosferiċi relattivament dgħajfa li estendew mid-deżert Sahara u stazzjonaw ruħhom fuq iċ-ċentru tal-Mediterran. Peress li kien hemm nuqqas ta’ riħ, din il-massa baqgħet fl-istess post għal tul ta’ żmien, u ikkawżat żieda fit-temperatura.

Wara din il-mewġa, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temperaturi eqreb tan-norma ta’ Lulju bejn illum u l-ewwel t’Awwissu. Dan għalhiex riħ mill-Majjistral li mistenni jilħaq Forza 6 sa filgħaxija għandu jġib bidla fl-arja. Tul dawn il jiem, it temperatura massima għandha tvarja bejn bejn 30°C u 34°C, filwaqt li dik minima se żżomm madwar 26°C.

More in Kronaka